Xena bħal din żgur li mhux waħda ġdida. Kif wieħed jista' jara quddiem dan il-bank lokali, hemm numru ta' anzjani jistennew sabiex jidħlu l-bank. Huma qed jagħmlu dan fl-eqqel tax-xemx. Infatti kif jidher sew fir-ritratti hemm min saħansitra ħa miegħu umbrella sabiex jipproteġi ftit ruħu mix-xemx waqt li qed jistenna.

Philip Michael Chircop, il-Fundatur ta' Nanniet Malta, li tagħti vuċi lil min hu vulnerabbli jgħid, "Is-sitwazzjoni tal-istennija biex in-nies anzjani u vulnerabbli jinqdew mill-banek qed tiggrava flok ma tittaffa l-ħruxija u t-tbatija għal tul ta' ħin fix-xemx qalila, taqli l-ankri." Fl-istess post fuq Facebook hu jagħmel appell sinċier u mill-qalb lil Silvio Parnis, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b'Diżabilità.

X'taħsbu li jista' jsir biex problema bħal din titaffa?

Facebook / Philip Michael Chircop


Emil Calleja Bayliss