Ilbieraħ aħna ta' Gwida kellna ċ-ċans li nattendu l-aħħar prova qabel mal-musical Into The Woods jiftaħ għall-pubbliku llejla u jkollna nammettu li konna meraviljati b'dak li rajna. Mhux xi ħaġa li tiġri ta' spiss, iżda l-fatt li xħin dħalna fit-teatru u rajna s-sett konna ċerti li se nkunu qed nassisstu għall-produzzjoni mill-aqwa. Matthew Cassar ħareġ b'sett kreattiv li joħloq sfond perfett għal din il-ġrajja.

Mhux se ngħidu aktar għax nixtiequ li dawk kollha li jżuru dan l-ispettaklu jkollhom iċ-ċans li japprezzawh huma stess. Il-musical ta' Sondheim huwa wieħed kumpess għall-aħħar, b'mużika interessanti li fiha ħafna dettall intelliġenti. Mro. Ryan Paul Abela flimkien mal-mużiċisti għamlu biċċa xogħol spettakolari. Dan żgur li ma setax ikun possibbli li ma kienx għat-tekniċi li għenu sabiex joħroġ kull dettall.

Id-direzzjoni ta' Into The Woods kienet fdata f'idejn Lucienne Camilleri li għal darb'oħra kompliet turi l-ħiliet tagħha f'dan is-settur u aktar ma jmur aktar qed tirfina, filwaqt li tiżgura li kull biċċa xogħol li naraw minn taħt idejha tkun waħda xejn għajr brillanti. Żgur li l-għażla tal-kast kienet waħda spettakolari. Taħt saqaf wieħed, kull min se jattendi se jkollu ċ-ċans jara, possibiliment l-aqwa talent li għandna fil-gżejjer Maltin.

Fl-irwol prinċipali nsibu lil Dorothy Bezzina li tinbidel u tagħti l-ħajja fuq il-palk lil kull karattru li tiġi fdata bih. Il-vuċi stradordinarja tagħha tispikka tassew u l-karattru tas-saħħara hu strumentali biex timxi n-narrativa tal-istorja. Iżda Dorothy ma kinitx l-unika talent li spikka, wieħed impossibbli li ma jsemmix lil Joel Parnis u lil Rachel Fabri li kellhom il-parti tal-furnar u l-mara tal-furnar. Żewġ protagonisti li wkoll urew l-esperjenza vasta li tagħhom u animaw il-karattri tagħhom bl-iżjed mod professjonali.

Karattri oħra prinċipali li spikkaw kienu Nadia Vella li kellha l-parti ta' Cindirella, Christina Despott li kellha l-parti ta' Little Red Riding Hood u Gianluca Cilian li kellu l-parti ta' Jack kienu wkoll spettakolari. B'kant mill-aqwa u emozzjonijiet li jqanqlu lil min isegwi, dawn it-tliet artisti għamlu biċċa xogħol mill-aqwa. Bil-mod tagħha ferrħu u nisslu tbissima fuq wiċċ l-udjenza, iżda wkoll bikkmu l-udjenza hekk kif kompliet tiżvolġi l-istorja.

Impossibbli li nsemmu lil kulħadd iżda ċertament li l-artisti l-oħra bħal Stephen Oliver. Stefania Grech Vella, Thomas Camilleri, Ryan Grech, Bettina Zammit, Talitha Dimech, Rebecca Darmanin, Bettina Mattocks għamlu biċċa xogħol tajba mmens fil-partijiet tagħhom. Magħhom ingħaqdu wkoll Karl Bartolo, David Ellul, Nicole Arrigo u Noe Zarb filwaqt li erba' artisti kienu fdati l-moviment. Dawn kienu Keith Dimech, Dean Ellul, Nina Galea u Tessa May Attrill.

Din żgur li kienet waħda mill-aktar produzzjonijiet b'saħħtihom li rajna fit-Teatru Manoel f'dawn l-aħħar snin. Dawk kollha li jħobbu l-musicals ma jistgħux jitilfu dan l-ispettaklu u nħeġġu anke lil dawk li dan il-ġeneru mhux daqstant għal qalbhom biex jaraw dan il-musical. Il-fatt li l-karattri huma familjari magħna lkoll, żgur li jgħin sabiex issegwi u tinteressa ruħek fin-narrattiva.

Dawk li jixtiequ jaqtgħu l-biljetti tagħhom jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu HAWN. Titilfux dan iċ-ċans.


Emil Calleja Bayliss