Dawk midħla tal-moda u l-kompetizzjonijiet tas-sbuħija, wiċċ Neil żgur li mhux ġdid. Dawk li forsi midħla aktar tal-futbol lokali mill-banda l-oħra jafu lil Neil fil-ground waqt xi partita taħraq. Illum il-mudell u plejer tal-futbol, ifakkar il-memorja għażiża ta' ommu li ħalliet din id-dinja sitt snin ilu.

Permezz tal-profil tiegħu fuq Facebook, hu jħalli messaġġ li żgur imiss qalb dak li jkun. Kull min tilef lil xi ħadd qrib tiegħu, speċjalment lil ommu żgur li jista' jirrelata ma' dan il-messaġġ. Neil jikteb, "Għażiża Mamà, illum is-7 ta' Lulju hija ġurnata li jgħaddi kemm jgħaddi żmien ħa tibqa' ttimbrata miegħi għal għomri !! Hija l-ġurnata fejn proprju sitt snin ilu, inti għaddejt għal idejn il-Mulej, 'il boghod mill-uġigħ kollu li kont qed isoffri!"

Hu jkompli jgħid, "Ehh iż-żmien iderri, imma l-weġgħa u l-għafsa ta' qalb li ma tistax tarak u tkellmek nħossom ta' kuljum! Grazzi tal-imħabba li tajtni matul ħajtek kollha, dik it-tgħanniqa u l-bewsa li kont ntik kuljum għadni nħossom għażiża tiegħi! Bħalma kont għidtlek fl-aħħar kelmtejn tiegħi fil-knisja, inkun fejn inkun, u mmur fejn immur, f'qalbi l-ħin kollu inti tkun. Inħobbok wisq ġojjel."

Aħna t-tim tal-Gwida nsellmu l-memorja għażiża ta' ommu u ngħidulu jkompli jagħmel kuraġġ u jgħix il-ħolm li żgur ommu dejjem xtaqitu li jgħix.


Emil Calleja Bayliss