Iltqajna ma’ Gordon u Clara fl-istudjo ta’ Clint Gerald. Clint il-fotografu kien diġà qiegħed hemm jistenniena u mil-ewwel ġbidna sensiela ta’ ritratti tal-koppja. Mill-ewwel ftit ħin li tagħmel ma’ din il-koppja tinduna li huma żewġ personalitajiet b’talent enormi, li baqgħu dejjem b’saqajhom mal-art, iffukati u fuq kollox ġenwini. L-intervista sħiħa ser tiġi ppublikata nhar il-Ħadd fuq ir-rivista GWIDA.

Id-diskursata mill-ewwel waqgħet fuq il-fatt li f’dan ix-xahar ser isiru ġenituri ta’ tifla. Bħala għalliema ta’ tfal żgħar, Clara minn dejjem kienet miġbuda għall-maternità u xtaqu ħafna li flimkien jibnu familja.

“Minn dejjem xtaqt li nkun omm. Konna nitkellmuha ta’ spiss u qbilna li xtaqna nsiru ġenituri flimkien. Għalhekk it-tqala kienet waħda pjanata u kull xahar konna nkunu ħerqana biex naraw jekk inqbadtx tqila jew le.”

Clara tgħidilna li kollox beda wara Malta’s Got Talent. “Niftakar kien il-weekend ta’ wara Malta’s Got Talent u ddeċidejt li nagħmel it-test. Jien ħassejt li jien kont tqila. Ħaġa ġo fija kienet tgħidli li din id-darba kont ser nara t-test pożittiv! Tant emmint fil-ħaġa li kont waqaft inpejjep ħalli ma nagħmel ebda ħsara lit-tarbija. Għamilt it-test u ħallejtu hemm għal xi għoxrin minuta biex nara x’ħa jiġri jew ma jiġrix. L-eċitament kompla jiżdied. Lil Gordon għidtlu biex niċċekkjaw flimkien. Ftaħna t-test u mmarka fil-pożittiv imma t-tieni linja ma kinitx ċara. Għal min jifhem jaf li dak kien sinjal li kienet tqala fil-bidu, Gordon kien xettiku u ma bediex jemmen.”

Imma Clara ma taqtax qalbha u b’determinazzjoni liema bħalha, tikkonvinċi lil Gordon biex imorru jixtru test ieħor. Iżda l-problema kienet li dak il-ħin kienu d-disgħa ta’ filgħaxija.

“Jien kont determinata li nagħmel test ieħor u dan kienu xid-9 ta’ billejl u ridt insib spiżjara miftuħa dak il-ħin għax ridt nixtri wieħed diġitali. Tant ma bediex jemmen Gordon li kien staqsa lill-ispiżjara jekk dawn it-testijiet jistgħux ikunu skaduti, bl-ispiżjara tikkonfermalu li ma kienx il-każ! Minn hemm bqajna sejrin dritt id-dar u wasalna hemm xil-10 ta’ filgħaxija. Għamilna t-test u ħallejtu fil-kamra. Gordon hu persuna li ma jkollux kwiet f’ġismu, hemm rajtu ftit anzjuż u mar jiċċekja r-riżultat waħdu. F’ħin minnhom nisma’ għajjat u narah ġej fuqi jgħannaqni. Kemm fraħna dakinhar!” tgħidli Clara.

Ixtri l-GWIDA li toħroġ għada l-Ħadd u tista’ tirbaħ 5 hampers għat-tarbija tiegħek minn Frezyderm.


Anthony Baldacchino