Fil-festival tal-kanzunetta Maltija, Mużika Mużika, ħa sehem Mark Spiteri Lucas b’kanzunetta bit-titlu, Lil Binti. Kanzunetta sempliċi b’ lirika li tmisslek qalbek. Fix-xahar iddedikat lil missirijiet xtaqna li nitkellmu ftit iktar fuq din il-kanzunetta mal-kantawtur Mark Spiteri Lucas.

Meta nibtet l-idea ta’ din il-kanzunetta?

Il-kanzunetta ktibtha fi Frar tas-sena l-oħra qabel ma għalaqna għall-pandemija bit-tir li tiġi użata f’ L-Għanja tal-Poplu bl-orkestra. Però dan il-festival ma sarx bl-orkestra u ddeċidejt li nżommha fil-kexxun. F’Awwissu kien hemm is-sottomissjonijiet ta’ Mużika Mużika u għaddiet mill-ewwel fażi, għaddiet ukoll mil-live audition u ntgħoġbot ħafna minn dawn il-ġurija sakemm waslet għall-festival.

Emmint u għadni nemmen ħafna fid-diska għax twieldet b’mod maġiku. Niftakarni nħarbex l-ewwel versi li nibtu meta kont nara xi episodju ħelu tiegħi ma’ binti. Ħadt pjaċir nisma’ minn għalliema li qed jużaw din il-kanzunetta fil-lezzjonijiet tagħhom tal-Malti.

Ħafna drabi mdorrijin narawk fuq pjanu. Din id-darba kont int biss u mikrofonu fuq il-palk. X’fettillek?

Is-soltu nidher wara l-pjanu però din id-darba xtaqt nagħmel xi ħaġa differenti. Xtaqt nagħti l-ħajja lill-kliem billi nkanta mingħajr pjanu u nuri l-emozzjonijiet tiegħi fuq din id-diska. Ridt noħroġha aktar minn qalbi, għalhekk ma qgħadtx wara bil-pjanu bħas-soltu.

X’qaltlek it-tifla xħin semgħat din il-kanzunetta?

Xħin kienet lesta minn kollox semmajtha lit-tifla u tgħidx kemm ħadet pjacir u għoġbitha u żifnet magħha. Safrattant anki korjografija taż-żfin għamlet magħha. Ħadt gost naraha tieħu pjaċir bi kreazzjoni li għamilt jien mill-bidu sal-aħħar. Minn hemm bdejt insemmagħha lil sħabi u familjari, u bdejt nieħu rispons li ntgħoġbot ħafna.

Kif inhi r-relazzjoni tiegħek mat-tifla?

Inħoss li hi tajba ħafna; daddy girl relationship. Nipprova nqatta’ naqra ħin ta’ kwalità kemm nista’. Nieħu interess fl-istudji tagħha u ġieli noqogħdu naqraw flimkien speċjalment bil-Malti peress li jien għalliem tal-Malti.

Tiftakar meta twieldet jew sirt taf li ħa tkun papà?

Meta sirt naf li ħa nkun missier kienet xi ħaġa vera sabiħa u kont vera ferħan. Ħassejt dan il-mument bħala rigal kbir. Kont preżenti wkoll għall-ħlas u għat-twelid tagħha wkoll. Appena twieldet żammejtha jien għax il-mara kellha bżonn isirilha intervent żgħir u għamilt xi siegħa b’din it-tarbija f’idi avolja kont nibża’ nżomm trabi ta’ nies oħra f’idi. Imma t-tifla differenti; kont żammejtha għal ħin twil. Esperjenza unika u tibqa’ stampata ġo moħħi.

Hemm differenza bejn Mark bħala għalliem u Mark il-missier?

Ġieli diffiċli naqta’ linja bejniethom it-tnejn speċjalment biex iżżomm ċertu dixxiplina. Inħoss li għandi aktar paċenzja ma’ studenti li mhumiex familja tiegħi milli mat-tifla. Naħseb din hi xi ħaga naturali. Peress li mat-tifla ġieli naralha x-xogħol tagħha wara ċertu ħin fejn tibda ġejja l-għajja ndumu naqra biex niftiehmu. Ma narax li hemm ħafna differenza bejn Mark l-għalliem u Mark il-missier għax Mark l-għalliem jixtieq l-aħjar lill-istudenti tiegħu u Mark il-missier jixtieq l-aħjar lil bintu.

Jgħidulek xi ħaġa li jarawk fuq it-televiżjoni?

Iva ħafna. Niftakar li fil-bidu ta’ fejn qiegħed skola llum, Stella Maris, kont għadni nieħu sehem f’Becky u dak iż-żmien fit-teleserjal kont naħdem in-nar. Niftakar fil-bidu nett, dawn it-tfal kienu jgħajtuli bl-isem tal-attur li kont nieħu sehem bih. Ġieli jgħiduli li jkunu rawni jew li għoġbithom xi parti li għamilt. Anki fil-parents’ day ikun hemm ġenituri li jgħiduli proset ta’ xi parti li nkun qed nieħu sehem biha. Napprezza s-sempliċità u l-fatt li jsegwuk.

Kunsillier, għalliem, preżentatur, kantawtur... Kif tikkombinahom flimkien?

Jien nipprova nillimita affarijiet li jmorru lil hinn mill-iskola. Jien nemmen li Mark l-għalliem u Mark il-personalità televiżiva huma differenti u nipprova nżomm din id-differenza. Mark il-kunsillier ma jidħolx fil-kulleġġ l-iskola u ma jidħolx lanqas fit-televiżjoni u l-mużika. Jien inħobb naqleb bejn irwol u ieħor; ma nħobbx inħallat l-irwoli li nagħmel flimkien.

Jekk titgħallem tirrispetta lil kulħadd għall-persuna li hu jien naħseb nimxu ħafna ’l quddiem. Sfortunatament għandna faxxa wiesgħa ta’ nies li jitkellmu fuq in-nies f’timbri. Però jien dik nipprova neliminaha.

X’inhuma l-karatteristiċi li ħadet it-tifla minnek?

Naħseb li f’ċertu affarijiet tkun trid l-affarijiet eżatti. Jien hekk jien, inħobb kollox eżatt! Fatt ieħor hu li meta kont tifel daqsha ma kontx niekol kollox u lanqas hi bħalissa ma tikolx kollox.

Naħseb l-aspett mużikali ħaditu minni għalkemm il-mara kienet f’kor tal-parroċċa u għandha widna għall-mużika. Meta jkun hawn in-nanniet għandna, ix-xow trid tagħmlu dejjem! Ix-xow ma jkunx biss mużika però jkun jikkonsisti anki fi żfin, kant, maġija... Nittama għalkemm għadha żgħira u trid tara fejn ħa timraħ, li tkompli fuq il-passi tiegħi, u jekk le nkun kuntent li ssib in-niċċa tagħha. Nemmen fil-valuri li ttihom minn meta jkunu żgħar għax dawn jixorbuhom u jsiru parti minnhom.

F’April, Mark Spiteri Lucas nieda l-filmat mużikali tas-silta Lil Binti fuq kliem u mużika tiegħu stess li tistgħu tarawh hawn fuq. Il-filmat tal-kanzunetta b’dedika lil bintu ,Greta, ġie mniedi waqt il-programm tiegħu, The Entertainers fuq NET. Il-kanzunetta ħalliet impatt kbir, tant li daħlet fil-klassifika tal-aqwa 20 f’Malta u ndaqqet aktar minn 3,000 darba fuq Spotify, u diġà rawha aktar minn 6,000 darba fuq YouTube.

Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.


Anthony Baldacchino