Lil Mariella Mizzi, ħafna jafuha. Jafuha fuq it-televiżjoni ma' Corazon jew inkella tgħaddi xi parir jew ieħor bħala nutar. Hemm min ġieli rnexxielu jaqra xi parir minn tagħha fuq ir-rivista tagħna l-Gwida. Insomma żgur li mhux wiċċ ġdid għal ħafna minnkom. Aħna ħadna l-opportunità nitkellmu ftit magħha u niskopru aktar dwar Mariella u r-relazzjoni tagħha ma' Corazon.

Min jafek u jsegwik fuq Facebook ma jistax ma jammirax is-sapport kontinwu li tagħti lil bintek Corazón. Kif inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ Corazón? Ġieli titlewmu jew taqblu fuq diversi livelli?

Iktar ma tikber Corazón, aktar id-differenza bejn il-ġenerazzjoni rispettiva tagħna qed tonqos, u nista’ ngħid li llum aktar minn qatt qabel, jien u hi naqblu, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-professjoni tagħna u fid-deċiżjonijiet importanti tal-ħajja. Ovvjament, ġieli nitlewmu, speċjalment peress li t-tnejn għandna rasna iebsa. Però kull tilwima tgħaddi mill-ewwel u Corazón għandha ħabta twarrab l-argument malajr.

B’mod ġenerali naqblu ħafna. Is-sostenn li nagħtuha jien u missierha huwa dak li, fl-opinjoni tiegħi, kull ġenitur għandu jagħti lil uliedu. Nippruvaw insegwu dejjem dak li tagħmel, u nagħmlulha kuraġġ biex ma taqtax qalbha, anke meta proġett ikun ambizzjuż u diffiċli. Fuq kollox, hi taf li lilna ssibna dejjem hemm, fi kwalunkwe ċirkustanza.

Nafu li l-professjoni tiegħek hi dik nutarili. Minn dejjem xtaqt li tistudja l-liġi? X’kien li saħħrek tagħżel il-linja ta’ nutar u mhux dik ta’ avukat? Qatt ħassejtek dubjuża mill-għażla li kont għamilt?

Sa minn meta kont żgħira kont ngħid li rrid insir għalliema, imma mbagħad kultant kienet tiġini l-ħajra li naqbad il-linja tal-liġi. Dejjem kont inklinata ħafna lejn l-istudju tal-lingwi, u b’mod naturali mis-Sixth Form bqajt għaddejja għall-Università biex ksibt il-B.Ed. (Hons.) fil-Malti u l-Għarbi.

Bħala għalliema kont għal qalbi ħafna. Però x-xewqa li nistudja l-liġi baqgħet fija, u wara li żżewwiġt u kelli t-tifla bdejt il-kors tal-Liġi. Mill-bidu nett kelli f’moħħi li wara li nikseb id-Dottorat fil-Liġi nagħżel il-warrant ta’ nutar u mhux ta’ avukat, għax aktar kien jogħġobni x-xogħol nutarili.

Hekk kont qtajt iż-żewġ xewqat tiegħi. Qatt ma naf li ddispjaċieni dwar kif imxew l-affarijiet, anzi nħoss li l-esperjenza li ħadt fil-qasam tat-tagħlim illum tgħinni ħafna f’dak li qed nagħmel.

Peress li int u Corazón taħdmu fl-istess linja, jirnexxilkom tieħdu pawża mix-xogħol meta tkunu d-dar jew tibqgħu tiddiskutu sitwazzjonijiet li jkunu nqalgħu matul il-ġurnata?

Il-kuntatt bejnietna huwa kontinwu, speċjalment dwar problemi u sitwazzjonijiet li jinqalgħu fuq ix-xogħol. Però fuq livell personali nippruvaw li nsibu ħin biex niltaqgħu u nqattgħu ħin flimkien, u f’dawn il-laqgħat nitkellmu fuq kollox ’barra fuq ix-xogħol.

Fortunatament, it-tnejn li aħna għandna interessi oħra minbarra l-professjoni, u allura f’dawn il-ħinijiet nippreferu li nitkellmu dwar dawn l-interessi l-oħra. Corazón bħali għandha għal qalbha ħafna l-familja, u għaldaqstant nippruvaw li nsibu kemm jista’ jkun ħin biex ingawduha mill-aħjar li nistgħu.

Bla dubju x-xogħol tiegħek jitlob li tiltaqa’ ma’ għadd ta’ nies fuq bażi regolari. Tirrakkuntalna esperjenza umoristika li għaddejt minnha?

Ċerti esperjenzi jiddependi kif tħares lejhom. Kultant jiġru affarijiet li ma tkunx taf hux suppost tidħaq jew tibki. Għax in-nies tivvintahom kultant! Darba ċemplitli klijenta u talbitni mmur id-dar ta’ missierha u ommha għax missierha ried jagħmel testment imma kien “ftit ma jiflaħx” u ma setax joħroġ.

Allura mort id-dar tal-ġenituri tagħha, u xħin dħalt sibt lil missierha rieqed fis-sodda. L-omm bdiet tgħajjatlu f’widnejh, “Ġiet in-Nutar!” Jien għedtilha biex ma tqajmux għax jinħasad, u ssuġġerejtilha li tħallih jistenbaħ waħdu. Imma hi ħarsitli bid-dmugħ f’għajnejha u qaltli, “Dak ma jqumx ta, ilu f’koma għoxrin sena!”

Dak il-ħin ma kontx naf nidħaqx jew nibkix. Fil-verità kienet sitwazzjoni traġika, imma l-ħsieb biss li din il-mara ppretendiet li jien nagħmel testment lil xi ħadd li ma jafx li qed jgħix, kien xi ħaġa inkredibbli.

Nissugraw ngħidu li l-mużika hi parti integrali minnek. Xi tgħidilna dwar San Remo u l-Eurovision? Inkunu korretti jekk ngħidu li Corazón ħadet minnek fejn jidħol il-kant?

Il-mużika hija parti mill-kostituzzjoni tiegħi, verament. Dak kollu li fih ritmu u ħoss sabiħ lili jolqotni. Insegwi x-xena lokali kontinwament.

Ġieli kunċert jew festival li jintwera fuq it-televixin narah anke darbtejn biex inkun ċerta li ma tlift xejn. Meta kont iżgħar kont indoqq il-klarinett mal-banda u allura l-mużika naqraha u forsi napprezzaha aħjar. San Remo minn dejjem kont insegwih mill-bidu sat-tmiem, u anke kelli x-xorti li mmur narah. Il-Eurovision insegwih ħafna, u nipprova nsiefer biex nara s-serati kollha, kull sena.

Napprezza kull ġeneru ta’ mużika, mhux dik popolari biss. Din is-sena f’għeluq snini Corazón xtratli klarinett. Nispera li jirnexxili nsib il-ħin biex nerġa’ nibda ndoqq dan l-istrument li għandu ħoss tant sabiħ.

Naħseb li l-fatt li kemm jien kif ukoll żewġi Joe minn dejjem konna nsegwu San Remo għen biex Corazón telgħet b’inklinazzjoni lejn il-mużika Taljana. Fil-fatt hi stess tgħid li l-ispirazzjoni tagħha ġeneralment tiġi minn hemm. Dwar jekk Corazón wirtitx leħinha minni, nispera li iva, imma forsi din hija biss xewqa tiegħi.

Xi tfisser għalik il-festa ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ? Kemm kellek żmien meta tfaċċat ix-xewqa inizjali biex tingħaqad ma’ 12th May Band and Social Club?

In-nanniet u z-zijiet paterni tiegħi dejjem kienu membri attivi ta’ 12th May Band and Social Club. Ironikament, ommi u missieri ma kinux daqshekk akkaniti. Però jien sa minn meta kont tifla żgħira kont nixtieq li nitgħallem strument mal-banda tagħna.

Kien żmien meta l-bniet ma kinux jiġu aċċettati. Kont insistejt biex idaħħluni nitgħallem, avolja kont għadni tifla żgħira ta’ xi disa’ snin, u l-kumitat ta’ dak iż-żmien kien aċċettani bħala l-ewwel alljieva tifla. Illum għandna bandisti femminili daqskemm għandna maskili, u dwar dan kburija ħafna, għax forsi tajt ftit kontribut jien biex wasalna sa hawn.

Illum il-festa ta’ San Filep tfisser ħafna xogħol u sagrifiċċju, mhux biss għalija bħala l-president attwali tas-soċjetà li kienet laqgħetni fi ħdanha tant snin ilu, imma għal dawk kollha ta’ madwari li bħali jqisu l-festa tar-raħal bħala l-avveniment prinċipali tas-sena soċjali tagħhom.

Barra minn hekk, nafu wkoll kemm tgħożż l-ilsien Malti u kemm għandek għal qalbek ir-repertorju legali. Dal-aħħar tħabbar proġett marbut ma’ dit-tema li se jerġa’ jieħdok l-Università. Tgħidilna x’se tkun qed tagħmel eżatt?

Meta inti jkollok imħabba għall-edukazzjoni u għal-liġi, u jirnexxilek iżżewwiġhom it-tnejn flimkien, bilfors li tħoss sodisfazzjon kbir. Li ngħallem lill-istudenti tal-Liġi mhix xi ħaġa ġdida għalija. Imma dan il-proġett fi ħdan id-DegreePlus Programme tal-Università ta’ Malta, li fih jiena se nkun qed ngħallem L-Użu tal-Malti fil-Qasam Legali, għalija huwa ħolma li qed titwettaq.

Il-fatt li numru sabiħ ta’ studenti daħlu għalih jagħmilli ħafna kuraġġ, għax juri li hawn interess biex fil-qasam legali tintuża lingwa tajba. Ma nippretendix li se ngħallem il-perfezzjoni. Imma nippretendi li niżra’ f’min se jaħdem bil-lingwa fil-qasam legali kuxjenza li dokument jinkiteb bl-aħjar mod possibbli, kif jagħmel ġieħ lil ilsienna.

Il-prinċipju tiegħi hu: jekk l-aqwa għodda li għandi bżonn fil-professjoni tiegħi hija l-lingwa, kif nista’ naħdem sewwa mingħajr għodda tajba?

Fuq Facebook tħobb tgħaddi messaġġi umoristiċi-ħelwin kif ukoll rimarki fuq xi ħaġa li tkun ġratlek jew laqtitek mal-jum. Xi jkunu l-ħsibijiet tiegħek dak il-ħin int u tikteb il-messaġġ?

Wieħed forsi jista’ jinnota li meta nikteb xi ħaġa nkun qed nipprovoka diskussjoni. Ħafna drabi taħdem, u r-rispons ikun wieħed qawwi kull darba. Il-kummenti nsegwihom, u nuri li qed insegwihom, għax inkella jieqfu.

Ħafna drabi meta s-suġġett ikun kontroversjali niktbu dak il-ħin li jiġi f’moħħi, għax jien hekk magħmula. Ovvjament, noqgħod attenta li ma nweġġa’ lil ħadd u li ma naqbiżx il-limiti. Bl-istess mod, fejn jiġi ċans li nxerred xi ċajta ma nitilfux, għax wisq nieħu gost nara lil min jitbissem.

Nimmaġina li inti persuna impenjata ħafna, madanakollu dejjem tfittex li ssib ħin għall-familja. Kif jirnexxilek tagħmel dan u kemm hu ta’ valur il-ħin li tiddedika u tqatta’ mal-familja tiegħek?

Hija kwistjoni ta’ tqassim tajjeb tal-ħin. Il-ħinijiet li nqatta’ l-uffiċċju huma twal ħafna, però xorta waħda kuljum ngħaddi nara lill-papà tiegħi, għax inħoss il-bżonn li nserraħ moħħi li ma jonqsu xejn. Apparti hekk bħal kull mara rrid nieħu ħsieb id-dar tiegħi, bil-għajnuna ta’ żewġi Joe.

Għalkemm spiss nilmentaw li l-ġurnata hija qasira, jekk tqassam il-ħin sew issib ħin għal kollox. Il-Ħdud, pereżempju, inħobb inqattagħhom inħit. M’iniex waħda li norqod ħafna, u għalhekk ħafna affarijiet nagħmilhom billejl ukoll. Sa issa qed inlaħħaq ma’ dan kollu. Jekk fil-futur ma nibqax nista’ nagħmel daqshekk, almenu ma jiddispjaċinix li, meta stajt, qgħadt nitnikker.


Lara Michelle  Camilleri