John, ilna ftit ma narawk fix-xena lokali. X’tinsab tagħmel bħalissa?

Mix-xena lokali tax-xandir issa ili nieqes għal dawn l-aħħar sentejn, dan mhux b’kapriċċ jew b’intenzjoni, iżda spiċċajt imkeċċi. Dwar din it-tkeċċija ma’ nistax nitkellem għax il-każ qiegħed il-qorti.

Tikkunsidra li tirritorna fuq l-iskrin tat-televiżjoni fil-futur qarib? Għala?

Mhux nikkunsidra biss, imma qed nippjana u naħdem bis-sħiħ sabiex dan iseħħ u nerġa' nibda nagħmel dak li nħobb. Jien ilni 40 sena fix-xandir u dak ix-xogħol huwa ħajti, nkun qed nonqos lili nnifsi jekk nabbandunah.

Bdejt il-karriera tiegħek fuq ir-radju. X’tgħidilna fuq dan? Titħajjer tirritorna?

Propjament il-karriera tiegħi bdejtha fuq it-televiżjoni, grazzi għal David Azzopardi li kien għaraf fija it-talent u l-imħabba li kelli għax-xandir u d-divertiment. David Azzopardi li kien wieħed mill-għalliema tiegħi fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl ir-Rabat.

Kien hu li tani l-opportunità li nieħu sehem fi programm televiżiv jismu Studio Għat-Tfal, minn hemm 'il quddiem qatt ma’ ħarist lura. Ir-radju jibqa' l-aktar favorit tiegħi, hemm rabta soda bejnietna u jtini sodisfazzjon kbir. Jista' jkun li mhux fil-bogħod, nerġa' nkun vuċi radjufonika.

Qatt ġara xi ħaġa mhux tas-soltu waqt li kont għaddej bil-programmi?

Jiddependi, affarijiet mhux tas-soltu ġraw kważi f’kull programm, jekk mhux ħaġa tkun oħra. Il-ħajja ta’ xandar hija mimlija sorpriżi u mumenti strambi u dak hu li jagħmel programm eċitanti.

Darba waqt xandira fil-jum tal-1 t’April fil-programm Bonġu Bundy fuq ONE, it-tim tiegħi kienu kollha miftehmin sabiex jagħmluli ċajta tal-ewwel t’April, saret telefonata live u kienet irnexxiet għax blajtha sa griżmejja, l-attriċi li għamlet it-telefonata kellha tingħata oscar. Iċ-ċajta tinsab fuq You Tube u jarawha eluf kbar ta’ nies.

Kellek xi mument serju jew ta’ dieqa waqt li qed tippreżenta?

Darba kont qed nippreżenta wieħed mill-programmi tiegħi fuq NET TV u waqt din ix-xandira live qaluli bl-aħbar li missieri kien iddaħħal l-isptar b’attakk f’qalbu u ġejt mitlub mill-familja sabiex immur immedjatament ħdejh.

Kellek xi mument komiku li qatt ma tinsa’ waqt li qed tippreżenta?

Mhux se nagħmel hafna eloġji, ngħidlek biss Inti toqgħod fil-għoli? Din kienet klassika, divertenti u anke frustranti. Tinsab ukoll fuq You Tube u nahseb il-filmat hu wieħed mill-aktar li jaraw in-nies.

Pajjiż Tal-Mickey Mouse tibqa’ waħda mill-klassiċi ġewwa pajjiżna. Xi tgħidilna fuqha?

Nemmen li Pajjiż tal-Mickey Mouse hija l-aktar frażi li tintuża f’pajjiżna. Grazzi għal Martin Attard dik id-diska kienet spiċċat ghandi u biha irbaħt il-festival tal-Għanja tal-Poplu, l-uniku festival li qatt ma’ ppreżentajt. Pajjiz tal-Mickey Mouse tibqa' marbuta ma’ qalbi u waħda mill-aktar affarijiet li nħossni sodisfatt u kuntent li għamilt.

Għad narawk terġa’ tkanta jew dak il-kapitlu magħluq?

Jien ma’ nħobbx nagħlaq kapitli li jtuni sodisfazzjon, jista' jkun li nkun poġġejthom fuq xi xkaffa għal tant żmien, iżda ma jfissirx li jkunu ntemmu. L-uniċi kapitli li nagħlaq huma dawk li jkunu weġġgħuni għax inkella ma’ tgħix kuntent.

Kont involut fi rwoli differenti aktar minn darba fl-għażla tal-kanzunetta tal-Eurovision Song Contest u l-festival innifsu. Taħseb li hemm xi formula li tista’ twassal għal suċċess?

Ma naħsibx li jeżistu formuli xjentifiċi għas-suċċess tal-Eurovision f’dan il-festival. It-talent produttiv qiegħed hemm, l-imħabba lejn il-Eurovision hija kbira, il-vuċijiet tajbin huma numerużi u l-kuraġġ jaħraq ħafna, li ma nixtieqx hu li jkompli jinqatel il-festival. Il-produzzjoni X Factor hija tajba hafna u ta’ opportunità kbira, iżda m’għandhix tirkeb fuq il-karru tal-festival, mhux sew u mhux ġust.

Fadal xi ħaġa li tixtieq tagħmel fil-karriera tiegħek li għadek m’għamiltx?

Iva, nixtieq li meta jasal iż-żmien nikteb l-esperjenzi tiegħi u nippublikhom, il-Mulej magħna.

Facebook / John Bundy


Emil Calleja Bayliss