Jeremy u Joslyn, li ftit ilu għadhom kif iċċelebraw sena minn mindu bdew joħorġu flimkien, jirrakkuntaw kif il-fehmiet politiċi opposti tagħhom ma jxekkluhomx milli jibqgħu jħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Filwaqt li Jeremy, mill-Partit Nazzjonalista, huwa kunsillier tal-Gżira, Joslyn, mill-Partit Laburista, kienet kandidata għall-Kunsill Lokali taż-Żejtun.
Kif iltqajtu? Kontu tafu li intom ta’ fehma politika differenti?
Jeremy: Jien u sieħbi konna morna nieħdu flixkun birra u waħda mill-baristi tfajliet li kien hemm, kienet fil-fatt Joslyn. Hi mill-ewwel għarfitni u kienet qaltli, “Ara s-Sur Cardona!” Però jien bl-ebda mod ma stajt niftakar jekk kontx nafha u staqsejtha jekk qattx iltqajna.
Bi tbissima kienet qaltli li hi tan-naħa l-oħra u fhimtha mill-ewwel. Biex indawwar id-diskors kont staqsejtha liema kienet l-itjeb birra u kienet ġabitli l-aktar waħda li kien fiha alkoħol. B’ċajta kont staqsejtha jekk għamiltx hekk apposta biex iġġibni nidher ta’ sakranazz fuq l-aħbarijiet tal-One. U minn hemmhekk imbagħad bqajna nitkellmu.
Joslyn: Aħna ltqajna waqt li jien kont qed naħdem il-Beer Festival. Jeremy kien ġie jixtri flixkun birra u dakinhar konna tkellimna għall-ewwel darba. Ovvjament, jien kont kellimtu għax kont naf li hu xewka mill-Oppożizzjoni. Infatti bdejna niċċajtaw u ninku lil xulxin bil-politika.
X’kienet ir-reazzjoni tagħkom hekk kif indunajtu li tħaddnu opinjonijiet politiċi kuntrastanti? Opinjonijiet forsi lanqas hi l-kelma ideali hawnhekk għax intom inzertajtu attivisti fil-politika t-tnejn li intom.
Jeremy: Nammetti li ma tantx niżlitli għasel l-affari għax xtaqt li kienet Nazzjonalista. Imma biex ngħidu kollox, kelli tfajliet Nazzjonalisti li magħhom lanqas qatt ma qbilt daqskemm naqbel ma’ Joslyn. Kif jgħidu, l-imħabba għamja u lili għamietni bil-kbir.
Joslyn: Peress li jien kont naf minn qabel li ma konniex naqblu, ma tantx affettwatni, anzi kont aċċettajtha.
Kif ħaduha qrabatkom u sħabkom malli saru jafu bir-relazzjoni tagħkom? Kien hemm min ipprova jħassrilkom sforz il-biża’ li xi ħadd minnkom għad jispiċċa jbiddel il-fehma politika tiegħu?
Jeremy: Jien ġej minn familja mħallta. Xħin saru jafu li qed noħroġ ma Joslyn u li hi Laburista u, biex tgħaxxaqha, attivista bħali, ħasbuni qed niċċajta. Naturali li dejjem se ssib xi ostaklu li jipprova jaqtagħlek qalbek, iżda kemm jien u kemm Joslyn nafu li l-imħabba tirbaħ fuq kollox.
Joslyn: Tad-dar mhumiex akkaniti, allura ma tathomx ġewwa. Pjuttost tbissmu għall-fatt li ma kellhomx idea kif se jirnexxili ningwalaha. Fejn jidħlu sħabi, kien hemm uħud li baqgħu mbellhin peress li jien dejjem kont nistqarr li ġuvni Nazzjonalist mhu se jkolli qatt.
Oħrajn kienu qaluli li se nbati jekk ix-xewqa tiegħi hi li nkompli fil-politika. Kien hemm min qalli li se nispiċċa nbiddel il-kulur politiku tiegħi minħabba fih, filwaqt li oħrajn qaluli li meta l-fehmiet politiċi jkunu kunstrastanti f’relazzjoni bejn koppja, ir-relazzjoni ma ddumx wisq ħajja. Però mbagħad kien hemm min awgurali u widdibni biex ma nħalli xejn jidħol bejn l-għaqda u l-imħabba ta’ bejnietna.
Bla dubju kulħadd ikollu xi jgħid, speċjalment hawn Malta meta tiżżeffen il-politika. Intom issemmu l-politika meta tiltaqgħu? Ġieli qabbiżtuha lil xulxin minħabba kumment politiku li għaddejtu?
Jeremy: Nammetti li jien xewka u nħobb nitfa’ xi botta ‘l hemm u ‘l hawn, bħala ċajta naturalment.
Joslyn: Il-politika aħna ngħixuha kuljum u bla ma trid tispiċċa tiddiskuti temi kurrenti. Biss meta naqbdu argument politiku, inħobb inħallih jgħid tiegħu waħdu, u xħin jispiċċa jinduna li jkun ħela l-ħin u l-bżieq għalxejn, għax naf li jekk se nwieġbu u nkompli miegħu, kif ġieli għamilt, l-argument jeskala u naf li Jeremy se jibqa’ jissielet għall-punt tiegħu.
Ġieli tisperaw li xi ħadd minnkom jibda jxejjer bandiera politika differenti jew qbiltu li ma taqblux?
Jeremy: Dejjem xtaqt li jkolli tfajla Nazzjonalista u dejjem hekk tlabtu lill-Mulej imma donnu tfixkel waħda u sew. Nixtieq li tbiddel il-fehma politika tagħha għax dak ifisser li nkunu nistgħu nqattgħu aktar ħin ta’ kwalità flimkien.
Joslyn: Ovvjament li nixtieq għax inħossha li ma nistgħux nattendu attivitajiet politiċi flimkien. Madanakollu jien nibqa’ nirrispetta l-opinjoni tiegħu u pjuttost ninkoraġġih biex jikber f’dak li jixtieq jikseb.
Minkejja li ġejjin minn kamp politiku differenti, kemm hu importanti u b’saħħtu s-sapport li tagħtu lil xulxin?
Jeremy: Immens. Illum il-ġurnata, Joslyn saret parti minni u ma nistax nimmaġina triq differenti għalija. Nirċievi sapport kontinwu mingħand Joslyn u ta’ dan m’għandix kliem biżżejjed biex nirringrazzjaha.
Joslyn: Ħafna. Inħossni grata li rnexxielna nsibu lil xulxin minkejja li ma naqblux fuq il-politika. U nħossni grata wkoll li Jeremy jagħtini ħafna sapport, ġaladarba l-familja tiegħi mhijiex attivista. Is-sapport ta’ xulxin jgħaqqadna u jkompli jsaħħaħ l-imħabba ta’ bejnietna.
Nafu li ma taqblux fuq il-politika, madanakollu żgur li nġbidtu lejn xulxin għal raġuni. X’inhi dir-raġuni?
Jeremy: Is-sempliċità u l-umiltà tagħha ġibduni lejha, u għadhom jiġbduni lejha anki sena wara. Għalkemm aħna politikament opposti, naqblu ħafna, għax naqblu li ma naqblux.
Joslyn: Lanqas naf nispjega eżatt imma xi ħaġa partikolari ġibditni lejh mal-ewwel darba li rajtu. Jaf is-sarkażmu, iċ-ċajt u l-kariżma tiegħu.
Kif tqattgħu l-ħin liberu tagħkom? Għandkom xi passatempi li tfittxu li tagħmlu fil-kumpanija ta’ xulxin?
Jeremy: Sfortunatament ma tantx sar ikollna ħin liberu imma meta jkollna, inħobbu nsajru xi ħaġa flimkien. Insomma, jien biss insajjar għax inkella nispiċċaw ma nieklu qatt.
Joslyn: Ġeneralment infittxu ħafna l-mixjiet fil-kampanja, l-għawm u t-tisjir. Ħalliha li t-tisjir ikun kollu f’idejn Jeremy. Jien nippreferi nnaddaf wara l-ħerba li jħalli fil-kċina. Barra minn hekk, tant sirna nkunu għajjenin, li dal-aħħar l-irqad sar jikklassifika bħala passatemp prim.
X’inhu s-sigriet biex koppja, li għandha għal qalbha l-politika iżda tħaddan fehmiet politiċi diverġenti, tibqa’ tħobb u tirrispetta lil xulxin?
Jeremy: L-onestà hi r-riċetta biex l-imħabba ma tintemmx. Permezz ta’ din l-intervista nixtieq inwassal il-messaġġ li jien u Joslyn qed ngħixu u nipprattikaw dak li verament nemmnu fih – it-tolleranza. Jekk hemm koppja bħalna, inħeġġiġha biex ma taqtax qalbha. Is-sabiħ fil-politika hu li din kapaċi toħloq imħabba ġenwina u mhux biss firda.
Joslyn: Jien nemmen li l-iżjed żewġ valuri importanti huma t-tolleranza u r-rispett. Dejjem inżomm f’moħħi li jien lil Jeremy inħobb u mhux lill-partit tiegħu. Jeremy iħobb juża l-metafora tal-frott, fejn jispjega li minkejja li l-frott kollettivament jitqies kollu frott, dan jikkonsisti minn tipi differenti ta’ frott varju, u l-istess l-individwu.