Eliana Gomez Blanco ta' 14-il sena ħa tkun qed tirrapreżenta lil Malta ġewwa l-Polonja f'Novembru li ġej. Eliana rebħet id-dritt li ttajjar il-bandiera f'isem Malta wara li kienet waħda mill-finalisti li ħadu sehem fis-selezzjoni lokali.

Hi interpretat il-kanzunetta Sto Male, cover version tal-kantanta Lara Fabien. Peress li Eliana rebħet b'cover version, il-kanzunetta li biha ħa tirrapreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest għadha trid titħabbar.

Eliana, l-ewwelnett prosit ta’ dan is-suċċess. Kif qed tħossok li ħa tkun qed tirrapreżenta lil Malta f’dan il-festival prestiġġjuż?

Grazzi lilek u lil kull min emmen fija biex nirrapreżenta lil Malta. Għadni ma nistax nemmen li l-ħolma tiegħi se ssir realta’. Ninsab ferm eċitata u fl-istess ħin ħerqana biex tasal dik il-ġurnata.

Fejn kont x’ħin skoprejt li rbaħt il-kompetizzjoni ta’ din is-sena u x’kienet ir-reazzjoni tiegħek? Ma’ min qsamt l-aħbar l-ewwel?

Dakinhar kont ġurnata l-Blue Lagoon flimkien mal-familja tiegħi u f’mument minnhom ommi telgħet fuq id-dgħajsa għax semgħet ħafna messaġġi deħlin. F’dak il-mument nismgħha tgħajjat "Eliana, se tirrapreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision!". Ma nista' ninsa qatt l-atmosfera ta’ ferħ li ġab miegħu dak il-mument fost il-familja tiegħi. Tant fraħt li jien spiċċajt bilwieqfa fuq lilo kbir naqbeż kemm niflaħ u nibki bil-ferħ, wara li kont ilni nofs siegħa nipprova nsib il-bilanċ fuqu!

Rajniek tkanta kanzunetta bit-Taljan, irbaħt l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bil-Malti u mhux l-ewwel darba rajniek tinterpreta kanzunetti bl-Ingliż ukoll. Għandek xi lingwa li tippreferi tkanta biha? Għaliex?

Jien naħseb li kull lingwa fiha s-sabiħ tagħha. Aħna l-Maltin għandna lingwa sabiħa immens u nħossni onorata tassew meta nkanta bil-lingwa tagħna. Bl-Ingliż inħossni komda nkanta wkoll, għax hija lingwa universali u b’hekk hemm aktar stili ta' diski cover versions minn fejn inkun nista' nagħżel biex ninterpreta. Nammetti ukoll li nħobb inkanta bit-Taljan għax jogħġobni l-istil tad-diski Taljani.

Wieħed jista’ jgħid li int kantanta verament versatili. Kantajt kemm kanzunetta tat-tip ballad u anke dawk movimentati. X’għandna nistennew minnek fil-Junior Eurovision?

Minn dejjem kont inħobb invarja l-istili tal-kanzunetti li nkanta biex b'hekk kont inkun nista' nesperimenta bil-vuċi. Persważa li l-kazunetta li ser tintgħażel se tkun waħda li tolqot l-aħjar kapaċitajiet tiegħi bħala kantanta.

Fl-2018 ikkompetejt fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala solista u anke fi dwett. Is-suċċess tiegħek dakinhar ġie fid-dwett. Kif kienet din l-esperejnza? X’tippreferi li tkanta bħala solista jew li tkanta fi dwett?

Kienet esperjenza li ma nista' ninsa qatt, fejn kienet ukoll l-ewwel darba tiegħi li kantajt ma’ orkestra. Għalkemm is-suċċess tiegħi kien fi dwett, ma nistax ma nammetiex li l-kanzunetta li kelli bħala solista kienet għal qalbi ferm ukoll. Diffiċli nirrispondi jekk nippreferiex inkanta bħala solista jew fid-dwett għax nemmen li t-tnejn li huma jagħtuk sodisfazzjon. Però nista' ngħid li kienet esperjenza sabiħa li kantajt fi dwett u qsamt il-ferħ tas-suċċess ma' ħaddieħor.

Din mhux ħa tkun l-ewwel darba tiegħek li ħa tkun qed itajjar il-bandiera Maltija. Tista’ tgħidilna ftit dwar l-esperjenzi li kellek barra minn xtutna.

L-ewwel darba li rrapreżentajt il-Malta kelli sitt snin u kont mort ġo festival ġewwa Lido di Jesolo fejn min hemm intgħażilt biex nitla' r-Rumanija u rrapreżentajt lil Malta darbtejn f´dan il-festival fejn ikklassifikajt fit-tieni post. Kelli ċ-ċans nitla’ ukoll tlett darbiet l-Isvizzerra kif ukoll Ruma , Sqallija u Mantova fejn irnexxieli nagħmel unur għal pajjizna fejn kont ikklassifikajt fl-ewwel post.

Esperjenza li ma nista’ ninsa qatt hi meta kelli 8 snin u kont ħadt il-Grand Prix ġo festival ġewwa l-Italia fejn l-età kienu bejn 7-24 sena. Esperjenza oħra sabiħa kienet meta ġejt mistiedna nkanta bħala mistiedna speċjali fit-Teatru Bibbiena ġewwa Mantova fejn għalija kien ta’ unur kbir.

Waqaft għal ftit snin milli nitla’ festivals barra minn xtutna għax xtaqt niffoka iktar fuq it-teknika kif ukoll fl-iskola. Wara din il-waqfa proprju din is-sena tlajt Bulgaria u Macedonia fejn ikklassifikajt fl-ewwel post. Ftit xhur ilu tlajt Ruma għax kont mistiedna speċjali f´konkors li jixxandar fuq Mediaset.

F’isem Gwida.mt nixtieq nawguralek l-aqwa suċċess f’din l-avventura. X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil qarrejja kollha li jsegwu s-sit tagħna.

Grazzi ħafna talli temmnu fija u inwegħdkom li se nagħmel ħilti kollha biex nagħmel unur lil pajjiżna. Huwa importanti li fil-ħajja timxi pass pass , temmen fik innifsek , tistinka għal dak li tixtieq u żżomm saqajk mal-art.

Facebook / Eliana Gomez Blanco


Emil Calleja Bayliss