Clayton Saliba rnexxielu jabbina x-xogħol personali tiegħu fil-grafika ma’ kunċett li bih seta’ jwassal messaġġi pożittivi u ta’ motivazzjoni bil-lingwa Maltija.

Clayton, inti l-moħħ wara s-sit u l-paġna ta’ Facebook Isma’ Ftit. Xi xprunak biex toħroġ b’din l-idea?

Il-ħsieb wara Isma’ Ftit kien, u għadu, li jkun hemm sors ta’ pożittività fuq il-midja soċjali li nużaw ta’ kuljum. Irridu jew ma rridux, il-midja soċjali saret parti integrali minn ħajjitna. Irridu nammettu li d-dinja tal-lum qed issir aktar individwalista, u n-nies saret tagħti importanza kbira lil kulma jidher fil-qoxra ta’ barra u bħal donnha twarrab dak li hemm internament.

Sirna nonfħu l-kuntentizza artifiċjali u sfortunatament naqsmu din it-tip ta’ kuntentizza mal-oħrajn. Il-midja soċjali, kemm jekk permezz ta’ stampi, ritratti jew kummenti, ninqdew biha biex naqsmu parti mill-ħajja tagħna. Nagħżlu mumenti speċjali, kisbiet, ċelebrazzjonijiet, ħarġiet mal-ħbieb, fost esperjenzi oħra, biex niddokumentaw il-pjaċir, l-interess jew l-imħabba li nkunu qed nesperjenzaw.

Madanakollu, studji riċenti juru li ħafna huma dawk li jesaġeraw dwar l-emozzjonijiet u l-esperjenzi li jgħaddu minnhom, fejn, minħabba f’hekk, tinħoloq sitwazzjoni surreali ta’ dak li fil-verità nkunu għaddejjin minnu. Għalkemm din taf issir in-norma ta’ kull utent tal-midja soċjali, ma jfissirx li l-bniedem ikun kuntent bil-ħajja tiegħu b’mod ħolistiku.

U Isma’ Ftit jidħol proprju hawnhekk. Kienet ġurnata bħall-oħrajn meta ġieni f’moħħi li noħloq l-ewwel kwotazzjoni bil-Malti u nitfagħha fuq wieħed mis-siti soċjali. Dik kienet il-ġurnata fejn ħajti ħadet żvolta differenti. Ma kelli l-ebda ħjiel li din kienet se timla parti kbira mill-ġurnata tiegħi.

F’dinja mfawra bi stejjer esaġerati, minfuħa jew fittizji, f’dinja miżgħuda b’aħbarijiet negattivi li jiġu mxerrda fuq il-midja soċjali, hu neċessarju li l-bniedem isib post ta’ refuġju fejn jimmotiva lilu nnifsu u jilmaħ tama ta’ ambjent u ħajja aħjar b’pariri, ħsibijiet jew saħansitra anki artikli reali li jġegħluh jieqaf u jirrifletti.

Għaliex għażilt il-lingwa Maltija?

Aħna Maltin u b’mod naturali ġieni l-ħsieb li noħloq din il-paġna bl-ilsien sabiħ tagħna. Jeżistu ħafna siti u paġni simili b’lingwi differenti, allura għax m’għandux ikollna waħda bil-Malti? Hi paġna strutturata, raffinata u b’messaġġi pożittivi li jiġu mxerrda ta’ kuljum. Għandna nsibu mezzi biex inħeġġu aktar l-użu tal-lingwa Maltija u proprju dan hu li xtaqt nagħmel permezz ta’ din il-paġna.

Liema hi l-aktar sezzjoni minn Isma’ Ftit li tieħu gost taħdem fuqha? Hemm xi ħsieb jew kwotazzjoni li tixtieq taqsam magħna?

Il-kwotazzjonijiet u l-ħsibijiet huma l-qofol tal-identità tas-sit u l-paġna u fil-fatt huma l-aktar għal qalbi. Kemm hu sabiħ li taqsam il-ħsibijiet, pariri jew osservazzjonijiet ma’ xi ħadd qrib tiegħek! Aħseb u ara kemm ikun isbaħ meta dan tkun qed tagħmlu ma’ komunità sħiħa li sal-lum tlaħħaq ’il fuq minn 40,000 ruħ!

Waħda mill-kwotazzjonijiet fost l-aktar favoriti hi waħda pjuttost sempliċi: “Kun int!” Ħafna drabi nippruvaw noħorġu lil hinn minn dak li jagħmilna aħna u nkunu qed noħolqu problemi f’ħajjitna li fil-verità jistgħu jiġu evitati.

Dan nagħmluh biex, fost raġunijiet oħra, inħossuna aċċettati minn dawk ta’ madwarna jew għax inħossuna obbligati li rridu nagħtu tip ta’ risposta. Ħafna drabi ftit nagħtu importanza lil dak li jiddefinixxi lilna bħala individwi uniċi. Paġna bħal Isma’ Ftit tirrikjedi ħafna xogħol u dedikazzjoni. Hu naturali li jaf jiġu waqtiet fejn mhux dejjem issib l-ispirazzjoni biex tikteb.

Tista’ tfissrilna kif u minn fejn tispira ruħek biex ta’ kuljum twassal ħsibijiet pożittivi?

L-ispirazzjoni inizjali hi differenti mill-ispirazzjoni li hemm illum. Fil-bidu, kienet ispirazzjoni ta’ meta tniedi proġett ġdid; għaldaqstant ikun hemm l-eċċitament ta’ kif dan se jkun qed jintlaqa’ min-nies. Illum l-ispirazzjoni aktar tinbet mill-effett li din il-paġna tħalli kemm fuq is-segwaċi leali, kif ukoll fuq persuni li qatt ma jkunu semgħu b’Isma’ Ftit iżda li ltaqgħu b’kumbinazzjoni ma’ xi messaġġ pożittiv u li jkun spiċċa biddlilhom il-burdata tal-jum.

Il-komunità ta’ Isma’ Ftit, li issa kibret ġmielha, tkun għatxana għal ħsibijiet ta’ dan it-tip u ta’ sikwit nirċievu messaġġi biex ngħaddulhom il-ħsieb b’mod personali meta tinzerta ġurnata li fiha ma jkunux ħarġu kwotazzjonijiet jew ħsibijiet.

It-tim ta’ Isma’ Ftit hu magħmul minn numru ta’ kollaboraturi żgħażagħ. Apparti dawn il-kollaboraturi, min jista’ jkun parteċipi ta’ Isma’ Ftit?

Din il-paġna hi magħmula għal kulħadd. Ġej imnejn ġej, int min int u inti x’inti, taħdem x’taħdem u tagħmel x’tagħmel. Kull bniedem hu parti minn familja, sitwazzjoni, diffikultà, dilemma jew deċiżjoni. Kulħadd jgħaddi minn mument li jkun jeħtieġ ħsieb jew riflessjoni, għaldaqstant kulħadd jista’ jipparteċipa billi jiktbilna fuq wieħed mill-mezzi tagħna u jaqsam l-esperjenzi tiegħu permezz ta’ ħsieb żgħir li jirrifletti l-istorja, il-ferħ jew il-weġgħat tiegħu.

B’hekk jaf inti stess tkun qed isservi ta’ għajnuna għal ħaddieħor li jkun għaddej mill-istess esperjenza tiegħek.

Dal-aħħar Isma’ Ftit sar jikkollabora wkoll ma’ Kellimni.com. X’ħajrek biex tibda tikkollabora proprju ma’ dan is-sit? Hemm pjanijiet li ssir kollaborazzjoni ma’ siti oħra?

Bħala paġna motivazzjonali, ta’ spiss nirċievu telefonati jew messaġġi mingħand persuni li jkollhom bżonn jiftħu qalbhom jew anki biex jieħdu parir, madanakollu Isma’ Ftit ma joffrix dan is-servizz. Għalhekk iddeċidejna li nagħmlu kollaborazzjoni ma’ Kellimni.com fejn dawn l-individwi jkunu jistgħu jitkellmu b’mod privat ma’ persuna awtorizzata. Ma neskludux li ’l quddiem għad isiru kollaborazzjonijiet oħra.

X’inhuma l-isfidi li tiltaqa’ magħhom fuq bażi regolari?

Waħda mill-akbar sfidi hi l-ħin. Bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, fost impenji oħra, il-ħin biex tipprepara u anki sempliċement taħseb dwar dak li se tikteb, sar lussu.

Il-paġna Isma’ Ftit irnexxielha tiżviluppa u tikber tul is-snin. Hemm xi proġetti ġodda maħsuba għal Isma’ Ftit?

Hemm għadd ta’ proġetti għal din il-paġna, iżda, sfortunatament għalissa ma nistgħux niżvelawhom. Madanakollu nista’ ngħid li l-ħsieb għal Isma’ Ftit hu li din il-paġna tersaq aktar viċin in-nies u dan billi żżomm l-element tal-messaġġi u l-ħsibijiet pożittivi fil-qalba tagħha.


Lara Michelle  Camilleri