Charlene, kif tiddeskrivi lilek innifsek? F’għajnejn ħafna nies inti persuna pjuttost pożittiva. Huwa minnu?

Skont kif wieħed jiddefinixxi l-pożittività. Li nkun pożittiva ma jfissirx li nwarrab u ninsa esperjenzi li setgħu ħallew impatt ħażin fuqi. Lanqas ma jfisser li sempliċement niffoka fuq is-sabiħ li offrew ċerti esperjenzi tal-ħajja.

Iktar tard f’ħajti bdejt napprezza li esperjenzi ta’ wġigħ li ngħaddu minnhom jgħinuna nikbru. Hu dak li nagħmlu, b’kulma ngħata lilna, li jagħtina identità. F’idejna biex nagħżlu kif se nħarsu lejn is-sitwazzjonijiet li nkunu sibna ruħna fihom.

Meta kont żgħira kont tbati minn għadd ta’ problemi fil-ġilda. Tgħidilna kif dawn il-problemi spiċċaw għenuk tibni l-karriera tiegħek?

Bħalma jgħidu, wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Minn meta kont żgħira kelli ġilda sensittiva ħafna u fl-adolexxenza kienet ħarġitli l-kundizzjoni tal-alopeċja. Wara li kont żort numru ta’ tobba, ħassejtni naqta’ qalbi mill-mediċini konvenzjonali. Madanakollu, kont iddeċidejt li nibda nibni r-riċerki tiegħi dwar terapiji alternattivi.

Wara snin ta’ studju, kont fil-fatt intbaħt li jien stajt ngħin lil kull min, bħali, xtaq terapija differenti li, wara kollox, kienet tagħti l-frott. Għaldaqstant, dis-sitwazzjoni negattiva rnexxielha tinbidel f’opportunità biex permezz tagħha nissaħħaħ u fl-istess waqt stajt inkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor.

Xi tfisser il-kreattività għalik? Kif tgħinek turi min verament inti permezz tagħha? Fejn tużaha l-kreattività fil-ħajja ta’ kuljum?

Għalija, il-kreattività hi suq ta’ emozzjonijiet varji li jimmanifestaw ruħhom f’opri isbaħ. Il-kreattività nuriha fi prodott li nkun ħloqt, fi platt tal-ikel li nkun ħejjejt, f’arranġament tal-fjuri, f’armatura tal-ħanut, f’biċċa kitba jew anki fi problema li nkun solvejt. Il-kreattività hi kruċjali biex infisser dak li verament jien.

charlene mercieca

Ftit snin ilu l-ħajja poġġietlek sfida quddiemek. Kif kont adattajt għar-realtà tal-marda tal-kanċer tas-sider? Meta tħares lura lejn din l-esperjenza, x’inhu l-frott li tara li ħareġ minnha?

Jaf ħafna jaħsbu li marda ta’ dat-tip tiġi mix-xejn, iżda għalija, probabbilment, kienet theżżiża f’waqtha; theżżiża li jaf kelli bżonn biex niġi f’sikkti u nerġa’ nikkunsidra x’inhuma l-prijoritajiet tiegħi. Permezz ta’ din l-isfida rrealizzajt kemm kelli bżonn nieqaf nieħu l-ħajja b’serjetà kbira.

Qabel ma qabditni l-marda tal-kanċer, ħajti kienet iffukata biss fuq kif se ntejjeb in-niċċa tan-negozju tiegħi u dan kien ifisser li kont nissagrifika l-familja, ir-relazzjonijiet u saħansitra anki saħħti. Il-marda tal-kanċer kienet litteralment daqqa ta’ ħarta li kelli bżonn naqla’ u, wisq probabbli, kienet l-uniku mod ta’ kif stajt nintebaħ li ħajti kienet għaddejja qisha riħ mingħajr ma kont qed napprezza bis-sħiħ kull jum li jgħaddi.

charlene mercieca

Nafu li inti tħobb iżżomm lilek innifsek f’saħħtek. Kif tiddeskrivi d-dieta tiegħek u kemm hu importanti għalik l-eżerċizzju?

Id-dieta tagħna, jew aħjar, l-ikel li nieklu ma jkunx l-istess għal kull individwu, għax id-dieta tagħna hi pjuttost suġġettiva. Madanakollu, bla dubju, permezz tal-ikel ġisimna jkun kapaċi jiffunzjona. Nista’ nġib l-eżempju ta’ karozza hekk kif hemm tipi differenti ta’ fjuwils li se jaffettwaw il-prestazzjoni tal-istess karozza.

Minflok ma ninqeda bl-ikel biex sempliċement naqta’ l-ġuħ jew biex nissodisfa xenqa għal tip ta’ ikel partikolari, nuża l-ikel bħala sors ta’ enerġija biex nibqa’ ffukata u nħossni komda b’ġismi. Jien m’iniex persuna li se nfittex il-ġimm. Madanakollu nħobb inżomm ruħi attiva billi nagħżel il-mixi minflok l-użu tal-karozza personali tiegħi, u fl-istess ħin inkun qed intaffi l-problema tat-traffiku.

Barra minn hekk, nogħxa nattendi klassijiet li jgħallmuni kif għandi niddefendi lili nnifsi għax permezz tagħhom, minbarra li nżomm ruħi attiva, nitgħallem inżomm għajnejja miftuħa għall-ambjent li fih inkun qiegħda u nkun nista’ nirreaġixxi aktar malajr. L-għażla li nagħmel rigward it-tip ta’ ikel li niekol mhijiex biss biex ma ntellax piż żejjed, iżda wkoll biex tgħinni nkun produttiva, effiċjenti u nsaħħaħ is-saħħa mentali tiegħi.

charlene mercieca

Fl-2010 kont waħda mill-protagonisti tal-programm Liquorish. Kif ħassejtek matul l-avventura? Ħassejtek komda tqum u torqod ma' nies li qajla kont taf? Kien hemm mumenti fejn ħsibt li kont se taqta' qalbek?

Jien nadatta pjuttost malajr u nħares lejn id-diffikultajiet bħala opportunitajiet. Ovvjament f’sitwazzjonijiet bħal dawn bilfors se tinzerta lil xi ħadd li miegħu ma taqbel f’xejn u jkollok, trid jew ma tridx, tgħix miegħu sa ma l-avventura tintemm. Impossibbli li tingħoġob minn u tingwalaha ma’ kulħadd. Għaldaqstant, minn esperjenza bħal din titgħallem taċċetta u tieħu paċenzja.

Waħda mill-ħolmiet tiegħek dejjem kienet li tippreżenta programm tiegħek stess. Sentejn ilu kont ippreżentajt il-Malta Eurovision Song Contest 2017. Dal-aħħar qed tippreżenta programm ta’ filgħodu fuq stazzjon tar-radju. X’tippreferi r-radju jew it-televixin? U x’kien li ħajrek tibda tippreżenta fuq ir-radju?

Inħobb kull xorta ta’ arti performattiva: iż-żfin, id-drama, il-kant, sa anki li nippreżenta quddiem udjenza. Madwar 11-il sena ilu, eżatt qabel ma kont iddeċidejt li niftaħ l-ewwel ħanut tiegħi, kont applikajt biex nippreżenta programm ta’ filgħodu fuq stazzjon tar-radju.

Minkejja li kont ġejt fit-tieni post, kienet esperjenza sabiħa immens u naħseb li x-xewqa baqgħet tberren f’moħħi. Sadattant, kont ilħaqt ftaħt il-ħanut u ddedikajt ħini kollu għalih biex narah miexi ‘l quddiem. Minkejja dan, dejjem bqajt bix-xewqa li nippreżenta fuq it-televixin jew ir-radju.

Matul is-snin imbagħad kien qed ikolli diversi intervisti fuq it-televixin dwar ix-xogħol artistiku tas-sapun li kien irnexxieli noħloq. Imbagħad ftit wara kont ħadt sehem fil-programm televiżiv Liquorish. Tiskanta kif jiġru l-affarijiet. Dan kollu kien wassal biex fl-2017 nippreżenta l-Malta Eurovision Song Contest.

Wara din l-esperjenza, kont ħadt pawża mill-midja biex nikkonċentra fuq il-Masters waqt li komplejt għaddejja bil-ħanut. Però malli spiċċajt mill-Masters erġajt ħassejtni għatxana għal iktar u xtaqt nibda nattendi għal lezzjonijiet tad-drama. Iżda eżatt qabel ma kont se napplika, l-istazzjon tar-radju 103 stedinni biex nippreżenta programm ta’ filgħodu flimkien ma’ Arthur u Ian u kont aċċettajt bil-qalb.

charlene mercieca

Kif tħares lejn il-futur? Għandek xi xewqat jew miri li tixtieq tilħaq? X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk kollha li għaddejjin minn sitwazzjoni diffiċli?

M’għandix pjan fiss għall-futur iżda nżomm lista ta’ affarijiet li nixtieq nagħmel, bħal pereżempju, li nsiefer, nikteb il-kotba, niltaqa’ ma’ nies differenti u li kontinwament nitgħallem. L-akbar biża’ tiegħi hu li nħalli din id-dinja u ma nkunx doqt it-tifsira ġenwina tal-ħajja.

Madanakollu, kelli naċċetta l-fatt li ż-żmien tiegħi f’did-dinja hu biss misluf, għalhekk inħossni grata għal kull jum ieħor li jingħatali. Anki matul żminijiet ebsin, kelli nfittex u nħares lejn il-pożittiv. Faċli tħares lejn is-suċċessi ta’ ħaddieħor u f’qalbek tlissen li inti qatt ma tista’ tikseb dawk is-suċċessi; iżda kemm hi aktar diffiċli li twitti t-triq tiegħek biex tikseb dak li verament tixtieq.

Illum il-ġurnata nħares lejn il-ħajja bħala logħba b’livelli varji ta’ diffikultà, iktar milli bħala battalja. B’dan il-mod inkun qed ngħin lili nnifsi niffoka fuq il-miri tiegħi filwaqt li nisfida lili nnifsi biex nesperjenza sitwazzjonijiet ġodda. Jekk kemm-il darba nħarsu lejn il-ħajja bħala battalja kontinwa, din se twaqqafna milli nikbru, nadattaw ruħna u nsaħħu lilna nfusna.


Lara Michelle  Camilleri