Insiru nafu aktar lill-attur u d-direttur Carlos Farrugia li jirrakkonta l-bidu tiegħu fil-karriera tar-reċtar sa ma wasal biex fetaħ skola tad-drama.

Carlos, inkunu korretti jekk ngħidu li ma kontx inti stess li fittixt il-karriera tiegħek tar-reċtar? Kif imbagħad intbaħt li tixtieq tkompli fuq din il-linja?

Ir-reċtar minn dejjem kien jogħġobni. Meta kont l-iskola kont nieħu sehem f’xi biċċiet ’l hemm u ’l hawn u ommi ta’ spiss kienet teħodni t-teatru. Biss, qatt m’għaddieli mill-garigori ta’ moħħi li xi darba għad nibni karriera fir-reċtar. Il-ħolm li kelli meta kont żgħir spiċċa nbidel għalkollox.

Darba kont qed nieħu sehem f’rappreżentazzjoni tal-moda. Kien għad kelli xi 18 jew 19-il sena meta ġejt avviċinat biex naħdem il-parti ta’ Kristu f’film. Interpretajt l-istess parti fit-teatru tad-Dumnikani, il-Belt, u l-ewwel darba li rfist fuq palk kont għedt li posti kien hawn. Fil-fatt, minn hemm ’il quddiem ma ħarist lura qatt.

Ġraw ħafna affarijiet b’koinċidenza! Kollox kien wassalni biex bdejt nirreċta f’bosta teatri li għandna f’pajjiżna, kif ukoll kelli xi esperjenzi barra minn xtutna. Komplejt nikber u nistudja f’dan il-qasam sa ma stabbilixxejt ruħi sew kemm fit-teatru, kemm fit-televixin, kif ukoll fiċ-ċinema Maltija.

Inti direttur ta’ Freespirit Acting. Kif kienet ġietek ix-xewqa li tiftaħ skola tad-drama?

L-istess bħar-reċtar, qatt ma kienet xewqa proprja tiegħi li niftaħ skola. Darba fost l-oħrajn kont qed nieħu sehem fi produzzjoni klassika Spiru Cefai u waqt il-provi bdejt nagħti parir lil attriċi li kellha parti kemxejn fiżika. Paul Bonello, li kien qed jieħu ħsieb il-produzzjoni, kien għaddieli kumment biex xi darba nidderiġilu rappreżentazzjoni jiena stess, u fil-fatt sena wara kont idderiġejt Ħelsien tal-mibki Ġwann Abela OFM.

Dil-produzzjoni tant kienet suċċess li għamlet xi disa’ snin tintwera fuq stazzjon televiżiv lokali. Ġejt offrut nidderieġi proġetti oħra u minn hemm bdejt nintebaħ li nista’ nagħti ħafna aktar mill-materjal li bdejt nitgħallem u nesperjenza jiena stess. Rajt x’vojt kien hawn fejn jidħol tagħlim tad-drama u meta ġejt avviċinat biex nibda ngħallem, bdejt nuża l-istil tiegħi, sakemm illum, 15-il sena wara, stabbilixxejt Freespirit Acting li kienet u għadha strumentali biex ittella’ atturi, diretturi, kittieba u artisti professjonali fil-qasam tat-teatru u t-televixin.

Minkejja li l-udjenza tafek fuq it-televixin u l-palk, ix-xogħol prinċipali tiegħek hu ta’ proprjetarju ta’ ħanut. Kif jirnexxilek toħloq bilanċ bejn dawn iż-żewġ dinjiet? Taħseb li d-drama u l-popolarità tiegħek jgħinu biex tikkonvinċi klijent jixtri mingħandek?

Nemmen li l-bilanċ jinħoloq f’kollox. Jekk veru trid tagħmel xi ħaġa, il-bilanċ issibu. Kultant jiġi waħdu wkoll. In-negozju tiegħi writtu mingħand missieri, li kien bejjiegħ fuq il-monti, u jien kabbartu ftit aktar billi ftaħt ħanut. Le, ma nemminx li tagħmel daqshekk differenza. Huma żewġ dinjiet kompletament differenti.

Liema taħseb hi l-aktar drama televiżiva li, jgħaddu kemm jgħaddu snin, se tibqa’ magħruf għaliha?

Irreċtajt ħafna u m’għandi l-ebda karattru favorit għalkemm il-parti ta’ Kristu ssib postha ftit jew wisq fuq quddiem. Però naħseb li l-aktar sensiliet li baqgħu msemmija huma It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, L-Evanġelisti, Division 7 u naħseb li l-aktar sensiela li se tibqa’ popolari, li saħansitra jsemmuhieli anki tfal li dak iż-żmien ma kinux għadhom twieldu meta ntweriet, hija Gizelle. Il-frażi “ara Sergio” bqajt nismagħha ta’ spiss.

Inti magħruf ukoll għall-parti ta’ Kristu li ilek snin twal tinterpreta. Għaldaqstant, b’mod naturali ma nistgħux ma nistaqsukx kemm hi importanti f’ħajtek il-figura ta’ Kristu u kemm ilek tistudja u taqra fuq dan il-personaġġ bibliku.

Kollox beda minn Kristu. Kristu hu figura importanti immens f’ħajti, kemm mil-lat artistiku kif ukoll mil-lat spiritwali. Kien Kristu li ressaqni lejn it-teatru u kien it-teatru li ressaqni lejn Kristu. Għadni nesperimenta, naqra u nistudja fuqu sal-ġurnata tal-lum.

Memorja tajba hi waħda mid-doni ta’ attur, speċjalment fuq palk. Ġieli smajniek tgħid li l-memorja tiegħek hi pjuttost tajba. Liema metodu tuża biex tiftakar linji twal, speċjalment monologi? Kien hemm drabi meta din l-istess memorja ttradietek? Kif kont benġilt is-sitwazzjoni?

Memorja tajba hi arma importanti għal attur u jien għall-grazzja t’Alla għandi memorja fotografika tajba ħafna. Bħala metodu ma nuża l-ebda wieħed partikolari, iżda meta naqra skript jew storja, l-ewwel nifhem sew il-karattru, is-sitwazzjoni u l-burdata, imbagħad ikunli iżjed faċli biex ninterpreta. Jien assolutament kontra li wieħed jitgħallem il-linji bl-amment. Iġibuk robotiku jew pappagall mingħajr emozzjonijiet.

Darba kont qiegħed nagħmel parti prinċipali f’kummiedja jisimha Avanti, fit-Teatru Manoel, bi produzzjoni ta’ Talenti u b’direzzjoni ta’ Joe Izzo. Kelli parti fejn għal sagħtejn sħaħ ma stajtx ninżel minn fuq il-palk.

Ovvjament kelli ħafna x’nistudja, fosthom djalogar u monologi, u kif rajt is-siparju jinfetaħ u kelli noħroġ mill-ewwel fuq il-palk, insejt l-ewwel linja! Litteralment insejtha! Katastrofi totali. Imbagħad b’mod maġiku ftakartha u beda l-vjaġġ ta’ sagħtejn reċtar mingħajr waqfien. Naturalment il-provi u l-preparamenti ta’ qabel huma importanti immens.

Ġieli wkoll noħlom li qiegħed fuq palk u ninsa l-linji kollha, iżda fil-verità din qatt ma ġratli s’issa.

Carlos, inti kburi ħafna li inti mill-Belt u fil-fatt tissapportja lit-tim tal-futbol Valletta FC. Barra milli tissapportja, inti tilgħab ukoll? Apparti minn hekk nafu li inti Pawlin kbir. Xi tfisser għalik il-festa ta’ San Pawl?

Diffiċli ħafna tkun Belti u ma tkunx tħobb il-futbol u tissapportja lit-tim tal-Belt. Il-futbol qiegħed f’demmna u nħobb nilagħbu wkoll. Nagħmel parti minn Team MT, li huwa t-tim nazzjonali tal-personalitajiet, kif ukoll nilgħab 5-a-side ma’ sħabi.

Jien Pawlin minn twelidi u l-festa trabbejt fiha minn mindu kont żgħir għax missieri kien jeħodna kullimkien: marċi, tridijiet, paniġierki... allura titla’ tħobb il-festa. Tfisser ukoll għaqda kemm mal-qraba, kif ukoll mal-ħbieb għax tiltaqa’ ma’ ħafna nies li tiltaqa’ magħhom biss f’okkażjoni ta’ festa. Għaldaqstant, iva, jien kburi li jien Belti u Pawlin.

X’inhuma l-proġetti li bħalissa qed taħdem fuqhom? Għandek ħsieb biex is-sena d-dieħla terġa’ ttella’ dramm tal-passjoni?

Bħalissa għaddej b’diversi proġetti kemm fi Freespirit Acting, kemm fit-teatru, kif ukoll fuq it-televixin. Għadu kemm kelli esperjenza interessanti kemm mil-lat ta’ produzzjoni kif ukoll bħala attur f’Just Noise, film ibbażat fuq l-istorja tas-Sette Giugno.

Bħala televixin, bħalissa qed inkomplu naħdmu fuq Division 7 u tliet produzzjonijiet oħra ma’ DBA stess: Game Over, Alla Magħna u proġett ieħor interessanti u innovattiv Tuna Ċans Ħa Ngħidu Storja.

Bħala teatru, qiegħed nidderieġi produzzjoni fi Spazju Kreattiv, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt - Wara l-Ħajt - kitba ta’ Vince Vella u produzzjoni ta’ Vermiglio Theatre Productions.

F’Marzu jkollna d-dramm kontemporanju għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira li ilna għal dawn l-aħħar ħames snin intellgħuh jien u l-ħabib kollega tiegħi Joseph Galea. Dis-sena d-dramm se jġib l-isem ta’ Vari u se jkollu kitba interessanti ta’ Trevor Zahra.


Gwida.mt