Il-koppja Malitija ta’ fama internazzjonali, Charles u Ron kienu l-protagonisti tar-rivista GWIDA ta’ dan ix-xahar. Iltqajna ma’ Charles u Ron fil-kafetterija tagħhom u tkellimna fuq ħafna affarijiet. Fosthom kif iltaqgħu, l-ewwel rigal lil xulxin u r-romantiċiżmu bejniethom. 

Charles u Ron ftit ilu fetħu l-ewwel kafetterija tagħhom. Iżda tajjeb li tkunu tafu li din l-idea nibtet wara li ftit żmien qabel kienu għenu huma stess lil studenti orfni jiftħu kafetterija u negozju tagħhom. 

"Kull sena konna nġibu persuna waħda mill-orfanotrofju. Wieħed minn dawn iż-żgħażagħ li ġibna Malta kellu ħolma li jibni kafetterija. Din il-ħolma fil-fatt seħħet u semmew il-kafetterija ‘Library Cafe’. Dan sabiex tfal li joħorġu mill-istitut u jkollhom sittax-il sena ikunu jistgħu hemm u ma jmorrux jiġġerrew fit-triq."

"Waħda minn dawn it-tfal li għinna studjat il-fashion design u konna wkoll ġibnieha Malta bħala studenta ‘intern’. Fil-fatt tant tgħallmet li din it-tfajla ħolqot il-label tagħha u llum qed tbigħ il-prodotti tagħha ġo din il-kafetterija u aħna nħossuna kburin ħafna li rnexxielha tasal s’hawn,” jgħidilna tajjeb Charles. 

Ron jistqarr ma’ GWIDA li, “...Naħseb li dawn l-istudenti ispirawna għax huma tant kreaw xi ħaġa minn xejn, tant għamlu proġett sabiħ, li bqajna impressjonati. Minn xejn hemmhekk ħolqu din l-istruttura li qed taħdem; min isajjar, min iservi u min jieħu l-bookings. Meta tara hekk timtela bil-kuraġġ u temmen aktar fik innifsek li l-ħolma tagħna tista’ titwettaq ukoll”

Il-kafetterija fin-Naxxar kienet il-ħolma ta’ Charles u Ron iżda dawn l-istudenti tawhom il-kuraġġ li kellhom bżonn! Għenu lil ħaddieħor u mingħajr ma kienu jaf dan għenuhom lura! X’qalb tajba għandkom Charles u Ron! Mhux ta’ bxejn ħafna nies iħobbukhom!

Din l-intervista ġiet ippublikata fuq ir-rivista GWIDA tax-xahar ta’ Frar li bħalissa tinsab għall-bejgħ minn diversi ħwienet lokali. 

Ir-rivista GWIDA li jmiss ser tiġi ppublikata fis-7 ta’ Marzu.


Anthony Baldacchino