Persuna li minkejja d-diżabilita tiegħu qed jaħdem bla waqfien biex jibni t-tieni dar fiż-żmien 6 snin. Bjorn Formosa bħalissa għaddej bi preparazzjoni għall-maratona li jmiss tal-Ħadd, 26 ta’ Settembru. Aħna ta’ Gwida.mt ltqajna miegħu u staqsejnih ftit mistoqsijiet differenti. Fosthom ix-xewqa tiegħu wara li jiftaħ it-tieni dar.

Muntaġġ u Filmat: Andrew Borg Carbott (Cacti)

Fl-intervista Bjorn qal li wara li jiftaħ DAR Bjorn il-ġdida f’Ħaż-Żebbuġ għandu żewġ xeqat partikolari. “Nixtieq nerġa’ nsiefer, probabbli New York, għax hija belt li dejjem affaxxinatni, minkejja li inkwetat għaliex fuq l-ajruplan meta titla’ ċertu altitudni, l-ossiġnu jonqos, però xorta b’xi mod irrid nagħmilha."

Bjorn ikompli jgħid, "It-tielet objettiv (mhux għax hi t-tielet xewqa) li forsi jkun hemm xi Bjorn Junior.” Dan hu ritratt ta’ Bjorn meta kien għadu żgħir, tgħid jiġi jixbah lilu?

Minkejja li persuna b’ALS jitlef l-abiltajiet kollha tal-muskoli, din ma taffetwax is-sistema riproduttiva. B’hekk persuna b’ALS jista’ jkollu t-tfal.

Fl-intervista akwistajna filmat ta’ Bjorn jirreċta ta’ Prinċep, “Meta kont Year 5 għamilta tal-prinċep tal-Persja u hija memorja li kultant nerggħu niftakru permezz ta’ video li kien ħa missieri” jgħid Bjorn. L-isbaħ ħaġa hi li f’din ir-reċta hemm ħafna tfal li issa kibru u qed jgħinu lil Bjorn fit-tieni dar.

“Hija esperjenza sabiħa u ironikament uħud min nies li hemm f’din ir-reċta spiċċajt nikkollabora magħhom fil-proġett ta’ Dar Bjorn. Il-ħajja mimlija kumbinazzjonijiet u kultant niltaqgħu ma’ nies fil-ħajja li mbagħad nergaw niltaqaw magħhom f’xi fażi differenti ta’ ħajjitna,” jgħid Bjorn.

U x’kien ġara Sqallija? Bjorn u Maria siefru flimkien waħidhom u jidher li ma tantx kienet suċċess. Waslu tard u xħin waslu jindunaw li nsew l-adapter tal-magna tan-nifs!

“Wasalna Taormina dan kien xi nofs il-lejl u mhux ħa ssib ħwienet taż-żebgħa miftuħin ma nafx kif nisimgħu żewġt irġiel fil-bogħod jitkellmu u nsibu li dawn kien qegħdin f’ħanut taż-żebgħa f’nofs il-lejl għax kienu baqgħu jixorbu fil-ħanut bejniethom. Staqsejnihom għall-adapter u nkredibilment fuq l-aħħar takka tal-batterija li kelli tan-nifs irnexxielna nsibu adapter u ċ-ċarġjajna l-magna u llum għadni hawn nieħu n-nifs” jgħidilna Bjorn.

Gwida.mt tixtieq tawgura kull suċċess lil Bjorn u t-tim tiegħu fil-maratona li ġejja. Tista’ tgħin lil Bjorn billi tibgħat donazzjoni fuq dawn il-metodi:

Tibgħat donazzjoni bil-BOV Mobile Pay fuq 79096249 jew inkella tibgħat SMS fuq 5061 8936 għal €6.99.


Anthony Baldacchino