Wiċċ simpatiku li żgur tafuh! Lara hija kantanta, attriċi u preżentatriċi bravissima! Lara kienet waħda mill-preżentaturi ta’ San Remo Junior, ippreżentat il-Malta Fireworks Festival u f’sena minnhom qrat il-punti tal-Eurovision Song Contest għal pajjiżna.
Lara kienet ħadet sehem ukoll fil-Malta Eurovision bil-kanzunetta, Stay with me, fl-2006. Apparti l-kant, Lara kienet titgħallem il-pjanu u anke l-kitarra. Tgħidilna li kieku tiddeskrivi ħajjitha bħalissa tagħżel il-kanzunetta, Tlett Ibliet, ta’ Chiara għax, “M’ilnix li mort noqgħod il-Kalkara u allura l-mixja tiegħi frekwenti qed tkun fit-tlett ibliet. Maestuzi immens! Dejjem nimpressjona ruħi bl-isbuħija tal-Port il-Kbir u l-kultura Maltija.”
Lara u x-chef Neil Darmanin ilhom joħorġu flimkien issa u staqsejna lil Lara biex tiddedika kanzunetta lill-maħbub tagħha. Mingħajr ma damet taħsibha qaltilna, L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel, ta’ New Cuorey. Il-kurżità għelbitna u staqsejna għalfejn, u pront wieġbet, “Din ċajta ta’ bejnietna għax Neil huwa ffissat fuq il-biedja, u jistħajlu daqsxejn ta’ bidwi.”
Għal Lara, li ser tippreżenta Mużika Mużika hu unur kbir, “Eċitata immens; wisq aktar għall-fatt li qegħdin tim daqshekk ħelu u naqblu ħafna.” Lara tisqarr ma’ GWIDA li l-livell ta’ kanzunetti Maltin hu għoli ħafna u llum il-mużika Maltija tħabbatha ma’ dik internazzjonali. Lara temmen li dan il-festival hu parti mill-kultura tagħna u li għandu jkun appuntament fil-kalendarju ta’ kull sena, “... Barra minn hekk terġa’ tinħoloq pjattaforma oħra għat-talent mużikali Malti u aktar opportunitajiet għal talent ġdid.”
“Dan ħa jkun avveniment kbir din is-sena. Spettaklu għall-familja kollha. It-telespettaturi ser ikollhom l-opportunità li jaraw talent multidixxiplinarju. Talent ta’ livell għoli u wara kollox talent Malti. Iġri jasal!”
L-intervista ma’ Lara tista’ ssibha fir-rivista GWIDA ta’ Marzu. Għal aktar informazzjoni fuq Mużika Mużika tistgħu tidħlu fis-sit tagħhom HAWN.
iCam / Matthew Camilleri