In-narrattriċi fuq il-Paġna ‘Ftit Minn Kollox’ tikteb kelmtejn dwar l-emozzjonijiet ta’ omm li minkejja li tipprova tidher b’saħħitha quddiem it-tifel tagħha, hi għadha qed titgħallem ukoll.

In-narrattriċi tikteb, “Ibni l-għażiż, nixtieqek tifhem li ommok hija dak kollu li int, iżda bi żmien iżjed minnek. Ommok timsaħ id-dmugħ tiegħek u tagħmillek kuraġġ meta tibża', iżda mbagħad, meta titħalla waħedha, tibki u tibża’ aktar minnek. Ommok tgħallmek tħobb, titkellem, timxi u ħafna aktar, iżda titgħallem ħafna affarijiet mingħandek. Ommok, għalkemm dejjem tidher b’saħħitha, mhix invinċibbli. Ommok tiżbalja bħalma tagħmel int, għax ħadd mhu infallibbli. Int tikber u titgħallem, u anke ommok tibqa’ titgħallem sal-aħħar jum ta’ ħajjitha.  Ommok dejjem hemm għalik, anke meta ma tridhiex għax tkun irrabjat għaliha. Omm turik it-triq, issostnik, iżda emminni, ibni, naqa' u nqum aktar spiss milli taħseb. Ommok hija bħalek, fraġli, ħelwa, b’ħafna x’titgħallem u tgħallem. Ommok hija kulma int, b'aktar snin, ħobbha u pproteġiha kif tagħmel għalik. Fil-Milied u kull jum ta’ ħajtek, dejjem ftakar li għal ommok int ħajjitha.”

Kliem li vera jurina s-saħħa ta’ omm li minkejja li hi fraġli, tagħmel minn kollox biex tkun hemm għal binha.

Facebook / Ftit Minn Kollox


Gabriella Borg