Kemm-il darba nieqfu u naħsbu jekk il-ħajja tagħna ta’ kuljum għandhiex xi effett fuq il-mod kif nużaw l-ibħra tagħna? Li taqbad il-mobile sabiex tiċċekkja messaġġ hija possibbli biss minħabba internet cable li hemm taħt il-baħar. Li taħsel idejk huwa possibbli biss minħabba impjant kostali ta’ reverse osmosis li jibdel l-ilma baħar f'ilma ħelu. Id-domanda għall-ispazju tal-baħar u spazju kostali hija għolja – allura x’inhi s-soluzzjoni sabiex jiġi żgurat li l-prijoritajiet qegħdin jintlaħqu mingħajr ma ssir ħsara lill-ekosistemi fraġli tal-baħar u tal-kosta?

F’dawn l-aħħar xhur, l-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti minn proġett madwar l-Ewropa kollha dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu wettqet stħarriġ bil-ħsieb li tkabbar l-għarfien tal-Awtorità dwar kif u x’jaħseb il-pubbliku dwar kwistjonijiet tal-ispazju marittimu. Alexia Attard mill-Awtorità tal-Ippjanar ta’ Malta (PA) tispjega għaliex il-parteċipazzjoni tal-pubbliku hija neċessità biex nippjanaw kif ngħixu fuq, ħdejn u mal-kosta u l-baħar.

Lura fl-2014, il-Parlament Ewropew fittex il-ħtieġa li jinħoloq qafas għall-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) bil-għan li jiġi mmaniġjat b’mod sistematiku l-użu tal-ibħra tagħna, biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-bniedem isiru b’mod effiċjenti, sigur u sostenibbli.

“Id-Direttiva tal-Ippjanar Spazjali Marittimu tal-Unjoni Ewropea (UE) għandha l-għan li tnaqqas il-kunflitti u toħloq sinerġiji bejn attivitajiet marittimi differenti, tinkoraġġixxi t-tkabbir fl-ekonomija blu, iżżid il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u tipproteġi l-ambjent u l-ekosistemi minn impatti umani li jagħmlu ħsara,” tispjega Alexia Attard, l-Uffiċjal tal-Ippjanar speċjalizzat fl-ippjanar spazjali marittimu u l-immaniġġjar tal-kosta fi ħdan il-Green and Blue Development Unit tal-PA.

Fl-2020, l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien ma’ kontropartijiet oħra mill-Italja, Franza, il-Greċja, is-Slovenja u Spanja imbarkaw fuq proġett ta’ €2.5 miljun finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). L-għan primarju tal-proġett MSP-MED huwa li jappoġġa l-istabbiliment ta’ pjanijiet koerenti u kkoordinati madwar ir-reġjuni tal-baħar tal-Mediterran u bejn l-Istati Membri, f’konformità mad-Direttiva MSP. Għal Malta, ir-riżultat ta’ dan il-proġett mistenni jgħin lill-Awtorità tal-Ippjanar fir-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li huwa meqjus bħala l-pjan nazzjonali għall-ispazju marittimu f’Malta.

Ftit xhur ilu, permezz tal-Proġett MSP-MED, il-PA wettqet stħarriġ man-nazzjon kollu maħsub biex jaċċerta kemm huwa mifrux l-għarfien pubbliku dwar il-mod kif juża direttament jew indirettament il-baħar u kif il-pubbliku fil-fatt jipperċepixxi l-potenzjal futur tal-baħar.

X’juri l-istħarriġ?

“Mis-sejbiet tal-istħarriġ joħorġu għadd ta’ riżultati interessanti. Pereżempju, ħamsa fil-mija biss ta’ dawk li wieġbu jqisu l-impjieg tagħhom bħala relatat mal-baħar. In-numru kbir (27%) ta’ dawn il-parteċipanti ġejjin mir-Reġjun tat-Tramuntana tal-Port il-Kbir. Dan mhux sorprendenti. Meta wieħed iqabbel dan ma’ studji oħra, dwar ir-rwol ekonomiku tal-baħar fuq livell nazzjonali, jikkonferma li l-kontribut attwali tal-baħar għall-ekonomija lokali mhux daqshekk għoli. Dan iqajjem il-mistoqsija dwar jekk hemmx bżonn noħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjieg fuq il-baħar u kif dan jista’ jsir mingħajr ma jiġi kompromess l-ambjent tal-baħar,” tenfasizza is-Sa Attard.

“L-istħarriġ juri biċ-ċar ukoll li l-ispazji marittimi u kostali huma apprezzati ħafna mill-pubbliku għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni bħall-għads, is-sajd, l-għawm u l-mixi fuq il-promenades. L-għawm (77%) wera li huwa l-aktar attività rikreattiva popolari fost il-Maltin, b’Tas-Sliema tkun l-aktar popolari. Din mhijiex ta’ sorpriża peress li din il-lokalità hija waħda mill-aktar zoni popolati u għandha l-itwal kosta ta’ bini li jmiss mal-baħar. Il-mixjiet kostali kienu t-tieni l-aktar attività rikreattiva popolari relatata mal-baħar, u dan deher li kien aktar attraenti għall-ġenerazzjonijiet anzjani,” kompliet Alexia Attard.

Fir-rigward ta’ x’opportunitajiet għandu l-futur għall-attivitajiet relatati mal-baħar, l-istħarriġ juri li l-Maltin jaraw il-potenzjal u l-effett multiplikatur ta’ aktar tkabbir f’dan il-qasam. Filwaqt li t-turiżmu jgawdi post fil-quċċata, bi 80.6% jsostnu li dan is-settur joffri lil Malta opportunitajiet enormi, 60.4% identifikaw it-trasport bħala settur possibbli għat-tkabbir.

“Skoraġġanti huwa li 96 fil-mija ta’ dawk li wieġbu qalu li ma kinux lesti li jipparteċipaw fil-futur tal-ippjanar spazjali tal-baħar,” hija stqarret. “Dan huwa ta’ preokkupazzjoni, peress li l-parteċipazzjoni pubblika hija essenzjali biex jiġu ffurmati pjanijiet marittimi trasparenti u robusti. Il-parteċipazzjoni pubblika hija fil-fatt parti mid-data meħtieġa biex jiġi żviluppat il-pjan tal-MSP. X’jurina dan? Huwa pjuttost ċar li rridu nsibu modi ġodda kif inħeġġu lin-nies sabiex jinvolvu ruħhom. Hawnhekk jeħtieġ li jiġu esplorati mudelli ġodda, inqas riġidi ta’ parteċipazzjoni – wieħed li jitbiegħed mill-ħrafa ta’ ‘pubbliku ġenerali’ uniku għal wieħed li jkun adattat aħjar biex jimpenja ruħu fil-kumplessitajiet soċjali ta’ dinja dejjem aktar globalizzata iżda frammentata; waħda li tħaddan l-impenn u l-kollaborazzjoni tal-komunità,” tinnota s-Sa Attard.

Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, flimkien max-xogħol preċedenti mill-Awtorità, dwar l-iżvilupp ta’ għodod sabiex jinkoraġġixxu lill-istakeholders u l-involviment pubbliku, se jservu bħala pedament għall-avviċinament li l-Awtorità tal-Ippjanar se tieħu lejn l-involviment tal-istakeholder fid-dawl tar-Reviżjoni tal-iSPED.

Il-pandemija tatna lkoll apprezzament ġdid għan-natura, u kif afferma mill-ġdid l-istħarriġ, f’Malta dan jinkludi l-apprezzament lejn l-ibħra tagħna. Rajna li, meta kollox ifalli, in-natura tibqa’ hemm – imma rridu nippjanaw użi marittimi bir-reqqa biex nipprovdu futur sostenibbli waqt li fl-istess ħin niżguraw li l-baħar u r-riżorsi kollha tiegħu jiġu protetti u ppreservati wkoll,” tikkonkludi Alexia Attard.

Iktar informazzjoni dwar il-proġettt MSP-MED qiegħda online fuq https://mspmed.eu/project/


Gwida.mt