Kemm il-darba kont qed tiekol f’ristorant, u xi ħadd mill-mejda ta’ ħdejk, x’ħin wasallu l-ikel ħareġ il-mobile u faqqa ritratt tal-platt biex jitfgħu fuq Instagram? Jew agħar minn hekk, xi ħadd minn sħabek fuq l-istess mejda. Jew biex ngħidu kollox jaf inti stess! (Ifhem jien ġieli għamilta!)
Saret aċċettabbli li wieħed jaqbad il-mobile, qabel il-furketta u s-sikkina, x'ħin jasal l-ikel quddiemu. Tgħid din hija l-unika ħaġa li bidel l-Instagram fejn jidħol l-ikel?
Għal xi uħud, forsi mingħajr ma jafhu Instagram seraq il-valur nutrizzjonali u t-togħma, biex l-ikel jidher aħjar. Forsi d-deċiżjoni titfax ingredjent minn ieħor, m’għadiex taqa’ fuq x’togħma jżid, iżda x’dehra ser ikollhu fuq il-platt.
Il-bżonn li niġbru r-reazzjonijiet u l-kummenti mill-midja soċjali, qed jaffetwa l-ikel li nordnaw, ir-ristoranti li nagħżlu u x’insajjru d-dar. Anke forsi l-mod ta’ kif naħsbuha fuq l-ikel.
Ħa jilħaq jiksaħ l-ikel sakemm għamilna ċert li d-dawl qed jolqot il-platt b’mod tajjeb qabel nieħdu r-ritratt, l-aqwa li ġibna elf like fuq Instagram.
In-nutrizzjonista Sophie Bertrand tgħid:
Xi klijenti li jiġu għandi, iħossuhom taħt pressjoni biex ma jarawx kbir u jżommu l-porzjon tagħhom ta’ daqs partikolari u jieklu b’ċertu mod partikolari. Għandna bżonn niftakru li kulħadd huwa uniku, u dawn il-profili tal-ikel ma jirrapreżentawx lill-maġġoranza b’mod korrett.
Bħal kull ħaġa oħra, hija f’idejna kif nirreaġixxu ma’ dak li naraw fuq il-midja soċjali. Studju riċenti f’Londra juri li 13% jagħżlu r-ristorant li jmorru jieklu fih skond kemm hu ‘Instagrammable’, terminu li jfisser li r-ritratti li jittieħdu f’dak il-post għandom potenzjal li jinżlu tajjeb mas-segwaċi ta’ Instagram.
Insomma sewwa jgħidu, l-ewwel ma tiekol l-għajn!