Matul ir-raba’ episodju tal-programm l-Inspjegabbli li jixxandar fuq TVM+ kull nhar ta’ Tlieta fil-17:15 ser jiġi diskuss il-Misteru tal-Ħolm. Ħafna minnha iqattgħu terz minn ħajjithom fid-dinja tal-ħolm, joħolmu.
Il-ħolm minn dejjem kien suġġett misterjuż li jaffaxxina, iqajjem interess u kurżità. Madanakollu, xorta waħda għandek uħud li jħarsu lejn il-ħolm bħala episodju irrilevanti għall-ħajja. Dak li noħolmu mhux dejjem nafu nsibu spjegazzjoni għalih, jekk dejjem niftakruh!
Għaliex joħlom il-bniedem? X’inhu l-iskop li noħolmu? Il-ħolm jista' jintuża bhala terapija għall-bniedem? L-esperta fil-panel se tkun Nadia Borg Bonaci li hija analista tal-ħolm u ħa tkun qed tirrispondi diversi mistoqsijiet li ħafna nies ikollhom.
L-Inspjegabbli jkun ripetut il-Ħamis fil-23:15 fuq TVM+ u l-Ġimgħa fil-23:00 fuq TVM. L-Inspjegabbli huwa preżentat minn Kevin Mercieca, mgħejjun minn Kurt Pawley u Jonathan Farrugia bi produzzjoni eżekuttiva ta’ Flash Productions.