Il-kantanta KAREI, friska friska mir-rebħa tagħha fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Nistħajlek Hawn b'kompożizzjoni ta' Mark Spiteri Lucas u lirika ta' Paul Ellul, tkellmet magħna dwar il-karriera tagħha u r-rebħa f'dan il-konkors.
Il-vuċi ta' KAREI minn meta kienet għadha tifla ċkejkna kellha vuċi mill-isbaħ li maż-żmien kompliet tiżviluppa. Ilna nisimgħuha lil KAREI tkanta b'diversi l-lingwi u sabiħ li kellna ċ-ċans nerġgħu nisimgħu l-vuċi tagħha bil-Malti. Hi tgħidilna, "Matul il-karriera tiegħi s’issa kantajt b’ħafna lingwi differenti. Inkanta b’23 lingwa b’kollox. Kull lingwa għandha interpretazzjoni unika tal-mod li bih twassal messaġġ."
Hi żżid, "Għaldaqstant kull lingwa hija espressjoni ta’ nazzjon, riflessjoni ta’ ġrajjietu u l-kultura tiegħu. Meta nkanta bil-Malti nħossni mija fil-mija komda nesprimi lili nnifsi bħala Maltija u l-kultura li jien imsawra biha. L-ilsien Malti hu ġojjell li ħallewlna missirijietna li għandna nipproteġuh, ngħożżuh u nużawh kemm nifilħu."
Karei tkellimna dwar il-kanzunetta rebbieħa li misset diversi qlub, "Nistħajlek Hawn għandha mużika ta’ Mark Spiteri Lucas u kliem ta’ Paul Ellul, u titkellem dwar is-sogħba li nħossu meta nesperjenzaw it-telfien ta’ xi ħadd għażiż. Din hija tema li kollha kemm aħna mmissu magħha."
Hi tispjegalna, "Għalija personalment l-agħar telfa li ġarrabt sal-lum hija t-telfa tal-għażiża nanna Miriam li kienet tissapportjani b’ruħha kollha fil-karriera mużikali tiegħi u kienet dejjem tkun fuq quddiem meta nkanta, kemm hawn Malta kif ukoll diversi drabi barra. Tabilħaqq nistħajjilha miegħi tagħtini s-sostenn fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum u nispera li l-kanzunetta tagħti faraġ lil kull min jismagħha."
Minkejja li nafuha tifla ċkejkna, riċentament ma tantx rajnieha f'kompetizzjonijiet lokali. Karei tgħidilna, "li tikkompeti huwa sabiħ u importanti iżda huwa ħafna iżjed importanti li tesponi ruħek għall-isfera internazzjonali u li tibqa’ titgħallem minn għalliema professjonali fi swieq ħafna akbar minn tagħna mhux biss fil-vuċi iżda f’ħafna aspetti diversi li jagħmluk artist."
Karei tkompli, "Għaldaqstant xi snin ilu iddeċidejt li mmur ngħix u nistudja l-kant, żfin u reċtar ġewwa skola rinomata f’Ruma. Għal bidu kien xokk għax ma kontx imdorrija nagħmel seba’ sigħat kuljum niżfen u nkanta iżda llum il-ġurnata nħares lura u nara t-triq twila li mxejt ‘il quddiem. Ħdimt u għadni naħdem ma’ ħafna professjonisti internazzjonali u llum il-ġurnata ninsab konxja tal-istandards internazzjonali u x-xogħol li trid tagħmel biex tilħaqhom."
Hi tgħidilna, "Irbaħt diversi festivals barra u kantajt quddiem diversi nies famużi fix-xena internazzjonali. Inżomm saqajja mal-art, inkompli nitgħallem u nżomm għajnejja miftuħin għall-opportunitajiet li se niltaqa’ magħhom. Ma neskludix li nerġa’ nitħajjar nikkompeti f’pajjiżi stess. Żviluppajt il-ħiliet tiegħi ta’ kantawtriċi u naħdem bis-sħiħ biex nibqa’ nimraħ f’oqsma differenti tal-mużika."
Minkejja l-età żagħżugħa tagħha, Karei magħrufa sew għall-ħiliet vokali tagħha. Hi tgħidilna, "Jiena nemmen li jekk issejjaħ lilek innifsek bħala kantanta, l-ewwel ma trid tagħmel huwa li tiżviluppa l-ħiliet vokali tiegħek kemm tiflaħ. Trid bażi ta’ tagħlim soda, ħafna prattika, trid tosserva ħafna kantanti, u trid titgħallem tkanta bi stili differenti. Il-kapaċità vokali hija l-bażi li tagħmel kantant tajjeb."
Karei żżid, "Imbagħad, li tiżviluppa lilek innifsek bħala artist tieħu ħafna żmien u wieħed irid jesperjenza l-ħajja, jagħraf lilu nnifsu b’mod profond, u jsir jaf kif jesprimi ruħu bl-iktar mod ġenwin biex joħroġ l-originalità tiegħu. Iż-żmien li qattajt nistudja u ngħix Ruma għeni immens biex nikber bħala artista – kif nilbes, id-dehra ta’ xagħri, kif inżomm ruħi, kif nitkellem, kif nesprimi n-noti, kif nimxi, il-ħarsa ta’ għajnejja."
Hi ttemm tgħidilna, "Dawn huma kollha elementi li jagħmluni l-artista li jien. It-triq tkompli. U bħalma l-ħajja hija vjaġġ ta’ bidla u żvilupp, hekk ukoll huwa l-vjaġġ ta’ artist li jkompli jiskopri l-originalità tiegħu u jkun kapaċi jikkomunikaha mal-udjenzi tiegħu."
F'isem it-tim ta' Gwida, nawguraw lil KAREI għar-rebħa tagħha u nawgurawlha f'dak kollox li għandha pjanat fil-futur. Awguri mill-qalb!