Fir-rivista tal-Gwida ta' dan ix-xahar kellna ċ-ċans li niltaqgħu nitkellmu ftit ma' Amber Bondin, Amber li nafuha bħala l-kantanta, Amber li nafuha bħala preżentratriċi tar-rajdu, Amber bħala l-preżentratriċi fuq it-televiżjoni. Amber tilbes diversi kpiepel f'ħajjitha u fl-intervista titkellem ukoll dwar dan.
It-tim tagħna staqsa lil Amber dwar meta tefgħet post taħraq fuq kif stazzjonijiet lokali tar-rajdu ma jdoqqux diski Maltin, imbagħad xi xahar wara marret taħdem fuq radju hi stess. Lil Amber staqsejnieha jekk qatt immaġinatx li ser tibda f’dan is-settur.
Amber tgħid, "Meta ktibt dak il-post lanqas kont nimmaġina li se nkun qiegħda nagħmel programm fuq ir-radju. Dak il-post kien purament mill-perspettiva artistika. Jien illum nagħmel programm fuq Magic Malta u minħabba dan il-fatt hemm xi stazzjonijiet tar-radju ma jdoqqux id-diski tiegħi sempliċiment għax jien kompetitriċi u jiddispjaċini ħafna."
Hi żżid, "Inħoss li dawn ma jafux jagħmlu distinzjoni bejn Amber l-artista u Amber ir-radio host. Apparti minn hekk inħoss li aħna l-Maltin nagħtu bis-sieq lit-talent tagħna stess għax nagħtu iktar importanza lill-'image' milli lill-vuċi jew il-mużika li noħolqu. Issa l-ironija hi li inti tisma’ l-mużika mhux taraha. Allura mbagħad hekk toħloq barrier għal diversi artisti lokali li sfortunatament il-mużika tagħhom ma tistax tittrażmetti."
Amber tispjega r-raġuni wara dik il-posta, "Waħda mir-raġunijiet għalfejn kont ktibt dak il-post fuq Facebook, għax kont ħriġt track, “Dance the Night Away” li kienet marret tajjeb ukoll fil-PRS chart u kien hemm stazzjon tar-radju partikolari li ma riedx idoqqhieli għax qalli li m’għandix biżżejjed views fuq Facebook tal-video. Għalkemm naħseb li l-mużika lokali qed tindaqq ħafna iktar, xorta waħda għad hemm dik l-‘imma’."
Amber iddawwar l-attenzjoni tagħha fuq dak li ġara bil-kanzunetta ta' Mużika Mużika, il-festival li ġibed l-attenzjoni tal-Maltin u Għawdxin, "Pereżempju kellek Mużika Mużika li bħala Magic Malta konna ndoqqu d-diski kollha, imma sfortunatament kien hemm stazzjonijiet tar-radju li jew għażlu li ma jdoqquhomx jew inkella għażlu li jdoqqu ftit minnhom. Jista’ jkun li l-ġeneru jdoqq iktar għal dak l-istazzjon tar-radju partikolari, imma li ma ddoqqx ir-rebbieħ!"
Amber tgħid punt importanti mmens, "Jien għalija kanzunetta tajba tmur lil hinn mill-ġeneru u l-image."
Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Awwissu. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.