Waqt il-konferenza stampa tal-lum, il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li nħarġu multi meta n-nies inqabdu mhux lebsin maskra f’ċerti postijiet. Hija qalet li minn 742 spezzjoni li saru, ingħataw 109 multi.

Qalet li l-għoti tal-multi mhijiex xi ħaġa li l-awtoritajiet tas-saħħa jixtiequ jagħmlu, iżda hija azzjoni meħtieġa għal dawk li mhumiex qed jimxu mal-miżuri tas-saħħa fis-seħħ preżentament.

Hi qalet li huwa impossibbli li l-infurzar ikun kullimkien u għal darb’oħra appellat lill-pubbliku għal kooperazzjoni fuq din il-kwistjoni, kif ukoll biex jaġixxi b’mod responsabbli. Dwar l-użu tal-maskra, il-Professur Gauci qalet li dan għandu jsir parti minn ħajjitna.

Bħal meta f'karozza nilbsu s-seatbelt, meta noħorġu u nidħlu f'ħanut nilbsu l-maskra. Meta wieħed joħroġ miegħu l-kartiera u l-mobile, daqstant għandu joħroġ miegħu maskra.


Emil Calleja Bayliss