Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun għadu kemm wettaq restawr fuq il-faċċata ta’ ġnien storiku, il-Ġnien tal-Kmandant. Dan ir-restawr ġie inawgurat illum, 21 ta’ Ġunju, li sar fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun bis-saħħa tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-iskema Programm LEADER Miżura 1 - Restawr ta’ Assi ta’ Valur Artistiku u Kulturali, imħaddma mill-Fondazzjoni GalXlokk.
Il-Ġnien tal-Kmandant, magħruf ukoll bħala Ġnien Luqa Briffa, ġie inawgurat fl-1802 fuq inizjattiva tal-Kummissarju Għoli Ingliż, Sir Alexander Ball. Dan il-ġnien li huwa ddisinjat fuq stil Taljan mill-arkitett Żejtuni Michele Cachia, kien wieħed minn sensiela ta’ ġonna li ġew mibnija f’diversi rħula madwar Malta. Dawn il-ġonna nbnew bħala ġest ta’ apprezzament lejn dawk li kellhom irwol importanti fir-rewwixta kontra l-Franċiżi. Iż-Żwieten kellhom irwol importanti f’dawn l-attakki u b’hekk il-ġnien ingħata lill-mexxej taż-Żwieten, il-Kmandant Ġużi Abela, u għalhekk il-ġnien baqa’ magħruf bħala l-Ġnien tal-Kmandant.
Il-Ġnien tal-Kmandant, inbena fi żmien ir-renju tar-Re Ġorġ III tar-Renju Unit, infatti fuq il-bieb prinċipali ta’ dan il-ġnien hemm l-istemma ta’ dan ir-re, bħala xhieda tal-oriġini storika tiegħu. Dan il-ġnien malajr sar ċentru tal-ortikultura f’Malta, b’hekk bdew jirriferu għalih bħala il Giardino Botanico (il-Ġnien Botaniku). Fosthom, f’dan il-ġnien kien li l-patata ġiet imkabbra l-ewwel darba f’Malta bħala esperiment. Taħt dan il-ġnien hemm ġiebja interessanti. Il-ġnien, li huwa miftuħ għall-pubbliku, huwa mimli siġar u pjanti endemiċi u indiġeni li jkomplu jżidu l-valur estetiku u edukattiv tiegħu.