Rajna r-ritorn ta' Ray Calleja permezz tal-programm Mustaċċuni u jidher li dan qed jinżel tajjeb mat-telespettaturi. Iżda barra l-programm, Ray għandu impenn ieħor. Ray jgħidilna lil ta' Gwida, "Jien bħalissa wkoll id-direttur artistiku tal-Ispecial Olympics li se jsiru Malta f’Mejju. Inħossni onorat li ġejt fdat b’dan l-eżerċizzju għaliex l-Ispecial Olympics l-ewwel nett hemm konnessjoni għax bdew fl-1968, meta twelidt jien."

Hu jispjegalna, "Imma l-kunċett tagħhom evolva biż-żmien u huwa xi ħaġa sabiħa immens li iktar ma nagħmel riċerka fuqha u iktar ma nara, iktar inħossni nagħmel self development għaliex il-kunċett huwa li “this is all about us”. M’hemmx distinzjoni ta’ diżabilità intellettwali jew diżabilitajiet oħra. L-istorja tagħna tal-umanità hija fuqna lkoll u dan huwa l-kunċett prinċipju tal-Ispecial Olympics."

Meta staqsejna lil Ray x'għandna nistennew hu qalilna, "Għandna nistennew ftuħ spettakolari li se jsir Malta, saqajna mal-art, qed nitkellmu fuq affarijiet li qed isiru wara pandemija wara restrizzjonijiet, jiġifieri anka ekonomikament ma stajniex inroxxu l-bżar bla rażan. Ridt li nkunu attenti għaliha imma naħseb għandna naraw ftuħ u parteċipazzjoni fil-logħob li għandna nkunu kburin biha."

Hu żied jgħidilna, "L-atleti Maltin se jieħdu sehem kollha għax hekk jiġri meta timxi minn pajjiż għall-ieħor, l-atleti ta’ dak il-pajjiż jieħdu sehem kollha u mhux selezzjoni, hija waħda mill-prinċipji tal-Ispecial Olympics. Hemm tim eċċezzjonali wara l-Ispecial Olympics Malta li huma ddedikati, l-affarijiet li jagħmlu mal-atleti u l-atleti per se huma ta’ ispirazzjoni kbira. It’s a very humble experience."

Din mhux l-ewwel darba ta' Ray li qed jieħu ħsieb xi ħaġa daqstant kbira. Kellu f'idu c-CHOGM, Ray jistqarr magħna, "ic-CHOGM huwa intenzjonat għall-kbarat. Dan huwa l-Ispecial Olympics li jieħdu sehem atleti b’diżabilità intellettwali imma l-kunċett tiegħu huwa li “it’s all about us” u dan il-ħsieb tant huwa sempliċi u sabiħ li inti m’inti tagħmel l-ebda distinzjoni, hija kompetizzjoni vera għalihom u akkanita, jiġifieri dawn jegħrqu l-għaraq tad-demm biex jaslu fejn iridu jaslu u biex jagħmlu t-taħriġ."

Hu jżid jgħid, "Imma li toħloq kunċett imdawwar mal-idea li “din hija l-istorja tagħna”, m’hemmx differenzi, jien naħseb li hija xi ħaġa li kull bniedem għandu jieħu xi ħaġa minnha u jitgħallem minnha. Dan il-kunċett kienet bdietu oħt John F Kennedy, għax kellhom oħthom Catherine li kellha diżabilità intellettwali u għalhekk bdiet il-kunċett in her back garden."

Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Novembru. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.

Facebook / Ray Calleja


Emil Calleja Bayliss