Il-ktieb ta’ Trevor Zahra “l-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa” qed jikseb diversi popolarità barra minn Malta. Dan il-ktieb diġà ġie maqlub bl-Ingliż, Franċiż, Norveġiż u anke bir-Russu.
F’intervista fuq il-programm ta’ TVM, ‘Waranofsinhar’, il-moħħ wara t-traduzzjoni ta’ dan il-ktieb, Yana Psaila tgħid li Russi jħobbu ħafna xogħol letterarju minn awturi Maltin. Waqt l-intervista Yana tgħidilna li “…3 snin ilu jien qlibt u ppublikajt fir-Russja żewġ kotba tal-ħabib kbir u awtur favorit tiegħi, Trevor Zahra”. Skont Yana dan il-ktieb huwa tal-ġenn u malli ħareġ fis-suq Russu inħataf mill-ewwel“. Il-qarrej Russu fil-lingwa Maltija jiġbduħ affarijiet eżotiċi. Jinteressawh għax issir jaf kif inhi l-ħajja f’din il-gżira u x’inhu l-ambjent” tgħid Yana.
– Qoxra tal-Ktieb “Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa” – Тайная жизнь бабушки Женовеффы
Yana mhijiex Maltija iżda mir-Russja. Ħmistax-il sena ilu, Yana tiġi hawn Malta u tissaħħar bil-Malti. “Kemm hu sabiħ dan l-ilsien”. Infatti llum il-ġurnata, Yana tgħallmet il-Malti u tikkomunika b’Malti eċċellenti. “Il-Malti għalija ħajti sar …bdejt ngħid irrid nitkellem b’din il-lingwa”.
Yana Psaila qiegħda taqleb xogħlijiet letterarji, proża jew poeżija mir-Russu għall-Malti u bil-kontra. Dan kollu qiegħed jgħin lil Yana tkompli tistudja għad-dottorat fit-traduzzjoni. Yana tfaħħar ħafna l-lingwa ta’ pajjiżna, “Avolja l-Malti hija lingwa żgħira hija rikka imens u sabiħa.”
Yana ppublikat wkoll ktieb maħsub għar-Russi biex meta jiġu hawn Malta fuq btala jkunu jistgħu jikkomunikaw bi kliem sempliċi bil-Malti. Din hija ħaġa ferm sabiħa li l-Malti qed jiġi apprezzat aktar.