Lukas Farrugia huwa r-rebbieħ tas-17 –il edizzjoni ta’ Liquorish, fejn din is-sena ħaditna l-Rwanda, fl-Afrika. F’din l-intervista tkellimna mar-rebbieħ, Lukas dwar l-esperjenza tiegħu u kif ukoll tkellimna mal-Producer ta’ Liquorish għal dawn l-aħħar 17 –il sena, Joseph Cauchi fejn qalilna li din kienet l-aktar edizzjoni diffiċli s’issa.

Lukas, kif tħossok li inti rebbieħ ta’ Liquorish 2021 u x’kien ħeġġek tapplika?

Ma kontx qed nistennieha imma ovvjament pjaċir kbir li tirbaħ Liquorish u naħseb li jiena wieħed mill-iżgħar li rebaħ Liquorish ukoll. Niftakar konna applikajna jiena u ħija u tħajjarna waqt li konna qed naraw Liquorish tas-sena l-oħra. ,p>

Eventwalment bagħtulna għall-audition u ħija qisu staħa u ma ġiex iżda mort waħdi minflok bis-sapport ta’ sieħbi. Jiena minn dejjem kont nsegwi Liquorish, minn meta kont għadni fil-primarja u dejjem xtaqt li xi darba u fl-aħħar seħħet.

Milli jidher mhux kullħadd kien jaf li mort Liquorish, hux? Spjegalna ftit x’ġara.

Fil-bidu nett il-familja u sieħbi kienu jafu li mort Liquorish u f’liema pajjiż mort iżda kien hemm ħabib partikolari li ma għedilnux u sar jaf dakinhar li xxandar l-ewwel programm! Infatti lill-sieħbi l-ieħor tajtu l-password tiegħi ta’ Facebook u kollox u għedtlu x’ħin ikellmek, kellmu lura ħalli ma jaħsibx ħażin li ma rridx nkellmu jew jaħseb li ġrali xi ħaġa. Infatti ħadmet għax ma ndunax!

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek f’Liquorish?

Ċertament li ser nibqa’ niftakar l-isfidi kollha li għamilna! Kif ukoll l-eliminazzjonijiet! L-avventura kollha ser nibqa’ niftakarha! U ser nibqa’ ngħożżha żgur mhux forsi. Kien hemm ħafna affarijiet li ma kontx ħa nagħmel, pereżempju li niekol il-ġurati kienet waħda minnhom.

Esperjenza oħra li ħadt gost ukoll nagħmel kienet meta morna niltaqgħu man-nies tal-lokal – nsajjru magħhom, niżfnu magħhom u jifirħu magħna mix-xejn. Ħafna mid-drabi bdew jirringrazzjawna huma minflok aħna lilhom, talli morna għandhom. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi ta’ avventura simili u mhux ser tkun tal-aħħar żgur!

Kien hemm mumenti fejn qtajt qalbek u kif ingwalajt mal-kumplament tal-grupp?

Ma ħassejtnix homesick u lanqas immissjajt il-mobile pero batejt ftit ġuħ, iva. Iżda ma jiddispjaċini xejn li mort, jiena ma naqta’ qalbi minn xejn. Ġieli jkun hemm mumenti diffiċli bħall-aħħar hitch hike fejn konna ninsabu ġo foresta jew meta nkunu qed nfittxu fejn ħa norqdu.

Naturalment, jgħaddulek ħsibijiet jekk hux ħa jirnexxielek jew le u anke ħabba xi restrizzjonijiet jew curfews tal-pajjiż peresli ninsabu waqt żmien ta’ pandemija. Iżda mportanti tiġbed ħabel wieħed u taħdem bħala tim. Matul l-avventura ħassejtni li mort tajjeb ma’ kullħadd. Jiena dejjem inżomm lill-kullħadd ta li hu u nirrispetta l-karattru ta’ kullħadd. Jiena minix persuna li nħobb niġġieled!

Inbidlet il-perspettiva tiegħek lejn il-ħajja wara li wasalt lura Malta?

Wara esperjenza bħal dik, il-ħajja tinbidillek xi ftit għax tara dak il-faqar u tiftakar fi żminijiet li jirrakuntawlek in-nanniet fejn esperjenzaw faqar simili. Tinbidel u tibda tgħid mela aħna għandna kollox u ma aħniex ferħanin biżżejjed filwaqt li huma ttihom anke sempliċiment frotta qisek tajthom id-dinja. Sfortunatament ħafna drabi, aħna jkollna kemm ikollna qisu qatt mhu biżżejjed. Faċilment tinnota kemm huma grati ħafna b’li għandhom u li jkollhom. Kważi kważi ngħid li jinsabu aħjar minna.

Qalulna li l-parteċipanti nisa talbuk pendent magħmul mill-filugranu minnek. Spjegalna ftit fuq dan il-pendent.

Iva, jiena xogħli naħdem il-filugranu u ilni f’din is-sengħa għal dawn l-aħħar tliet snin ma’ missieri u huwa xogħol għal qalbi ħafna u jtini sodsifazzjon. Il-parteċipanti nisa kienu ftehmu biex naħdmilhom pendent, li juri l-mappa tal-Afrika u fossa li timmarka fejn tinsab l-Rwanda fuqha u kont tajthielhom bħala tifkira tal-avventura.

Din l-intervista saret minn Sephora Cutajar u ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Awwissu. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.


Gwida.mt