Żmien il-pandemija ġab miegħu għadd ta’ bidliet li ħallew l-impatt tagħhom. L-affarijiet li ssoltu kienu xi ħaġa normali u tas-soltu, kellhom jinbidlu b’diversi modi. Fl-aħħar sentejn tlifna diversi nies minħabba l-pandemija, u ċertament wieħed jista’ jimmaġina kemm il-funerali kienu ta’ stallett akbar għall-membri tal-familja, qraba u ħbieb. 

L-istess funerali ċertament li kienu jlissnu sens ta’ dieqa fil-kantanti li jkunu nqabbdu janimaw il-quddiesa. Aħna ta’ Gwida.mt tkellimna ma’ Romina Vella, kantanta, għalliema tal-kant u direttriċi ta’ kor tat-tfal, li qaltilna dwar xi sentimenti li għaddiet minnhom waqt il-funerali li kantat fihom.

Il-kantanta qassmet magħna l-bidla li għaddew minnha l-quddiesiet tal-funerali minn meta faqqgħet il-pandemija. "Ilni nkanta għal diversi snin fil-funerali mma daż-żmien tal-pandemija jibqa' dejjem immarkat f'moħħi. Għaliex filli tmur tkanta f'funeral mill-lum għal għada u filli fi ftit sigħat mil-lum għal-lum trid tkun lesta biex tmur tkanta f'funeral ta' xi ħadd li jkun miet bil-Covid-19."

"Xi ħaġa wkoll li kienet differenti kienet fl-ilbies tar-reffiegħa u kif ukoll kif kienu jidħlu u joħorġu bit-tebut. Minflok kienu jidħlu bih fuq l-ispallejn tar-reffiegħa, kienu jidħlu mexjin bih, bit-tebut mgħotti ... u bid-drapp tas-satin fuqu fejn ir-reffiegħa kienu jilbsu suit u ngwanti tas-satin jew b'dak l-ilbies prottetiv kollu abjad fejn dak il-ħin iġġiegħlek tirrifletti kemm trid toqgħod attent."

Romina ssemmi anke xi waqtiet partikolari li l-iżjed baqgħu immarkati f’moħħha. "Imma naħseb l-iktar ħaġa li kienet ta' dieqa kienet meta kantajt f'quddiesa normali għal ruħ il-persuna minfok fil-funeral tagħha stess kif il-persuna tixirqilha. Għaliex fil-bidu tal-pandemija ma setgħetx issir quddiesa tal-funeral għall-vittmi tal-Covid-19, imma kienet issir quddiesa normali bir-ritratt tal-persuna."

F'isem Gwida.mt ngħidu prosit lil din il-kantanta dedikata u professjonali u nirringrazzjawha talli qassmet magħna dawn il-mumenti mill-karriera tagħha!


Kyle Zarb