Illum, proprju 17 ta' Settembru Danica Muscat qed tiċċelebra għeluq sninha. Lil Danica rajnieh fil-programm Taljan Io Canto, tista' tgħid kienet l-ewwel Maltija li fetħet it-triq sabiex kantanti oħra bdew jitħajru jittantaw xortihom barra minn xtutna.
Minn hemm lil kantanta rajnieha tikkwalifika għas-serata tal-Malta Eurovision diversi drabi, fejn bidlet l-istili u tista' tgħid rajnieha tevolvi minn sena għall-oħra. Kisbet it-tielet post fis-Summer Hit Song Contest permezz tal-kanzunetta Amour u ħadet sehem fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza għal diversi snin.
Tistqarr li l-lingwa Maltija hi ferm għal qalba, barra li hi gradwata fil-Malti tħobb tinterpreta kanzunetti b'dan l-ilsien. Hi sinonima wkoll ma' kanzunetti bit-Taljan, probabbli r-raġuni prinċipali wara dan hu l-fatt li ħadet spinta kbira fil-karriera tagħha permezz ta' Io Canto.
Is-sena l-oħra rajnieha wkoll tikkompeti f'X Factor Malta fejn waslet sal-fażi tal-Judges' Houses. Insomma, Danica bla waqfien u ċertament li llum għandha ġurnata mimlija daqs bajda wkoll.
Għal dawk li ma jafux, Danica hi wkoll għalliema tal-vuċi fi ħdan Harmonic Ensemble Music & Voice Academy u waħda mill-istudenti tagħha, Eliana ħa tkun qed tirrapreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest ta' din is-sena.
Danica illum tagħlaq 25 sena, hi omm taċ-ċkejken Roen li rajnieh ikanta wkoll f'artiklu li ġibna aktar kmieni dan is-sajf. Ċertament li ħa tkun qed tqatta' l-ġurnata ma' dawk l-aktar għeżież għaliha.
F'isem Gwida.mt nixitiequ nawguraw lil Danica l-isbaħ xewqat f'dan il-jum speċjali! Nixtiequlha dak kollu li tixtieq qalb u aktar suċċess fil-karriera mużikali.