Dr Nicholas Briffa hu wiċċ sinonimu ma’ dawk li jsegwu l-istazzjonijiet lokali. Mhux l-ewwel darba li rajnieh fuq programm jiddiskuti xi suġġett jew ieħor! Il-professjoni tiegħu hi ta' psikologu u sesswologu.

Barra minn hekk hu membru tal-Kumitat Elett u Riċerkatru fil-Federazzjoni Ewropea tas-Sessoloġija. Il-messaġġ tiegħu fuq il-midja soċjali żgur li jmiss tant u tant qlub, qlub li kellhom xi korriment jew inkella tilfu trabi jew tfal ċkejknin.

Ritratt: Facebook / Dr Nicholas Briffa

Hu jikteb: "Dawk li sofrew telfa, telfa ta' ħafna uġigħ, jafu li ċertu uġigħ ma jistax jiġi imfejjaq minn xemgħa mixgħula għal ġurnata waħda biss (simbolikament u metaforikament). Il-luttu għat-telf ta' tarbija fil-ġuf m'għandux jitnaqqas jew jiġi injorat kif konna nagħmlu qabel. L-uġigh tal-ġenituri li tilfu tarbija qabel ma twieldet, qabel mal-ġenituri setgħu iħaddnuha magħhom... għandha tiġi rikonoxxuta."

"Il-ħsibijiet tiegħi jmorru lejk, omm fil-qalb, missier fil-qalb. Lilek is-soċjetà sikwit tnissilek id-dubju jekk intix vera omm, jekk intix vera missier. Għalik li ħassejt li issa kellek kollox... kellek ħafna aspettattivi u eċċitament, u f'daqqa waħda m'għandek xejn."

Ritratt: Instagram / healinghandsformotherhood

"Għalik li m'intix se tixgħel l-ebda xemgħa, għax l-uġigħ għadu jaħraq wisq... li ma tiflaħx tissaporti s-sħana tal-fjamma. Lilek li fit-tnemnim ta' dik il-fjamma se tħoss in-nifs tat-tarbija tiegħek, u inti u tagħlaq għajnejk u timsaħ id-dmugħ minn ma' ħaddejk, bħalma ħafna drabi tagħmel, f'qalbek titolbu biex ikun dejjem ħdejk... dejjem."

"Lilek, li t-tifel/tifla tiegħek tħossu/ha, u tfittxu f'kull dettall tal-ħajja tiegħek ta' kuljum... li tara ċagħaq fil-forma ta' qalb u toħlom li jista' jkun hu li qiegħed iġiegħlek tħossu li qiegħed imissek, li tista' timmaġina l-karatteristiċi tal-wiċċu, li sibt il-mod tiegħek stess biex tiċċelebra ġurnata ddedikata lit-tarbija tiegħek li ħafna drabi ma tikkorrispondix mad-data tat-twelid."

"Lilek, Omm fil-qalb, Missier fil-qalb, nibgħat it-tgħanniqa l-aktar qawwija tiegħi... tagħna bħala soċjetà."

Instagram / being_becky7858


Emil Calleja Bayliss