Illum jiċċelebra għeluq it-63 sena l-preżentatur Joe Chetcuti.
Joe huwa iben Rita Chetcuti, xebba Caruana mill-Mosta, u ta’ Charles Chetcuti minn B’Kara, imma kienu joqogħdu il-Mosta. Joe huwa l-kbir u għandu ħuh biss sentejn iżghar, Tonio Chetcuti.
It-trobbija tista' tgħid li minn dejjem kienet il-Mosta sakemm kellu jkun is-Sibt 25 t’April tas-sena 1987 fejn dakinhar iżżewweġ lil Phyllis Ferranti, illum Chetcuti, minn Ħaż-Żebbuġ. Għandhom tifla jisimha Pauline Marie.
Illum il-ġurnata joqgħod Ħaż-Żebbuġ, però l-Mosta qatt u qatt ma telaqha u anqas se jitlaqha. Kburi li huwa Mosti u baqa' jżomm konnessjonijiet mal-Mosta.
Huwa jokkupa l-kariga ta’ President Onorarju mal-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija. Hu Membru Onorarju mal-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Nicolo Isouard u Membru Onorarju tas-Soċjetà Piroteknika 15 t’Awwissu tal Mosta.
Fil-Mosta Joe jokkupar l-irwol ta' Assistent Editur tal-Ktejjeb Annwali tal-festa maħruġ kull sena mill-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija u anke jokkupa l-kariga ta’ Segretarju fil-Kummissjoni Komunikazzjoni Parrokkjali fi ħdan il-Parroċċa.
Is-sena li ghaddiet 2023 fix-xahar ta’ Settembru Joe Chetcuti inghata l-Onorifiċenza ta’ Ġieħ il-Mosta mill-Kunsill Lokali tal Mosta.
Lura Ħaż-Żebbuġ, hu jokkupa diversi karigi fil-Każin tal-Banda 12th May & Social Club bħala President Onorarju, Ċermen tal Kummissjoni Banda għal sbatax-il sena konsekuttivi u Membru fil-Bord Editorjali tal-Ktejjeb Annwali tal-festa ta’ San Filep maħruġ mill-Każin tal-Banda 12th May.
Fil-preżent kull nhar ta’ Ħadd fin-12.30 ilu għal 23 sena jippreżenta l-programm Marċi u Bandalori fuq l-istazzjon Net FM kif ukoll huwa kontributur fil-ġurnali In-Nazzjon u Il-Mument.
Joe jgħid minn qalbu, "Grazzi lill-Mulej li silifni dan iż-żmien kollu u nitolbu sabiex jislifni iktar għomor." Awguri Joe f'isem it-tim kollu ta' Gwida.mt!
Facebook/ Joseph Chetcuti