Sewwa qrajtu, il-fażi li jmiss ta’ X Factor Malta ħa tiġi ffilmjata llum. Din waħda minn dawk il-fażijiet l-aktar kruċjali tul is-sensiela kollha, fażi li ġeneralment tkun iffilmjata fuq tlett ijiem. Minn ġurnata għall-oħra, il-parteċipanti jissieltu biex iżommu posthom fil-programm u dawk li jirnexxielhom, isibu ruħhom fis-six chair challenge.

Fażi li s-sena l-oħra kienet mimlija tensjoni fejn rat saħansitra ismijiet kbar u magħrufin fix-xena lokali jinqalgħu. Il-kummenti tan-nies preżenti lejn il-ġurija ma naqsux u kienet xi ħaġa impressjonanti kemm l-udjenza daħlu fil-kompetizzjoni – kulħadd jgħajjat biex jinżamm xi artist partikolari li xi ħadd mill-ġurija ddeċieda li jaqla’ mill-kompetizzjoni.

Lura għal fażi ta’ bħalissa... il-fażi tal-bootcamp. Fuq dawn it-tliet ijiem, il-kantanti għandhom diversi sfidi li jridu jgħelbu, fejn iridu jaħdmu wkoll ma’ kantanti oħra li qed jikkompetu kontrihom. Waħda mill-partijiet eċitanti li ħafna drabi ssir f’din il-fażi hija l-famuża ġirja għal ħajt tal-kanzunetti, fejn is-sena l-oħra rajna ħafna u ħafna drama.

X Factor jirritorna fuq TVM f’Ottubru li ġej u l-battalja jidher li għal darb’oħra ħa tkun verament ħarxa. Mill-ewwel fażijiet, il-favoriti jibdew jispikkaw sakemm ma jkunx hemm xi ħadd li jissorprendi bil-kbir!


Emil Calleja Bayliss