Pjaċir u divertiment, żifna bil-mod u oħra bil-għaġla, canapé ‘l hemm u Aperol Spritz ‘l hawn – x’jonqos aktar għal dik il-ġurnata perfetta? Tieġ mhux biss skuża biex tilbislu pulit imma fuq kollox huwa l-għaqda uffiċjali ta’ żewġ maħbubin, u llum jinzerta l-ġurnata taż-żwieġ ta’ Lisa Losco, oħt il-kantanta Ira Losco.

Lisa Losco

Instagram / @loscolisa

Bħala antiċipazzjoni għal dan il-jum, Lisa kienet qed tidher qed tiċċelebra l-hen night flimkien mal-aħwa tagħha u sħabha, hekk kif naraw fuq il-posts imtellgħin fuq il-profil tagħha ta’ Instagram.

Barra minn hekk, f’aġġornament fuq Instagram, Ira żvelat kif, barra milli tkun preżenti sabiex taqsam din il-ġurnata speċjali ta’ oħtha ż-żgħir magħha, hija saħansitra se tkun qiegħda tkanta wkoll: “Taħseb li se nħalli ‘l oħti timxi sal-artal mingħajr ma nkantalha (jew nibkilha tnejn)?” Ħeqq, vantaġġ li jkollok oħtok il-kbira waħda mill-aktar kantanti lokali rinomati tal-lum!

Wedding

Instagram / @iralosco

Bosta kienu dawk l-ammiraturi tal-kantanta li marru bi ħġarhom fuq il-midja soċjali biex jawguraw lill-familja Losco, speċjalment dawk il-kummenti tal-isbaħ xewqat iddedikati lil Lisa.

Żgur ma jonqosx li naqsmu dan il-jum ta’ gost u ferħ, allura mingħand it-tim ta’ Gwida.mt – awguri mill-qalb!

Instagram / @iralosco; @loscolisa


Kurt Gabriel Meli