F’April, it-Teatru Manoel se jkun qiegħed jippreżenta Is-Surmast ta’ Trevor Zahra, f’dak li se jkun rinaxximent speċjali ta’ din il-prestazzjoni, tliet deċenji wara li din kienet iddebuttat fuq il-palk tat-teatru nazzjonali ta’ Malta. Taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Galea u b’Charles Sammut fir-rwol prinċipali, dan id-dramm-kummiedja bil-lingwa Maltija għandu jkun ta’ divertiment għal udjenzi ta’ etajiet differenti.

Din il-play fi tliet atti ħadet il-ħajja ftit ’l fuq minn ħamsin sena ilu bħala novella li ġġib l-istess isem. L-istorja hija bbażata ġewwa skola primarja Maltija kmieni fis-snin 70. “Din kienet l-ewwel novella tiegħi, u Klabb Kotba Maltin ippubblikaha bħala ktieb numru 26 fis-sensiela tagħhom,” qalilna Trevor Zahra. “Ġeneralment, inkun kemxejn ħerqan dwar xogħli meta dan jiġi ppubblikat, iżda wara ftit, għandi t-tendenza li nitlef l-interess fih, għax moħħi jkun diġà ffukat fuq xi ħaġa ġdida.” Minkejja dan, għoxrin sena wara d-debutt tan-novella, din reġgħet telgħet fil-wiċċ.
“Dan kollu seħħ grazzi għall-mibki Carmel S. Aquilina – jew Karmenu, kif kien jafu kulħadd, li kien direttur brillanti. Kull nhar ta’ Erbgħa, Karmenu kien jaħdem bħala għalliem tad-drama fl-iskola taż-Żejtun fejn kont qed ngħallem jien,” qal Zahra. “Jum minnhom staqsieni, ‘X’taħseb jekk naddattaw Is-Surmast għall-palk?’ imma jien immedjatament qtajltu barra u għidtlu, ‘Karm, dik ktibtha għoxrin sena ilu, u issa bilkemm niftakar xi ktibt!’ Biss Karmenu ppersista, u kull nhar ta’ Erbgħa, meta jarani, kien jerġa’ jsemmili Is-Surmast. Hu kien ħolom u immaġina l-play qabli, u seta’ diġà jaraha kompluta u lesta. Bil-mod il-mod irnexxielu jkebbes fija l-entużjażmu. U b’hekk twieldet il-play.”

Is-Surmast tiffoka fuq il-karattru ta’ Carmelo Ciantar: Surmast eċċentriku u maħbub ta’ skola primarja, li kien lest li jinjora l-istruzzjonijiet tas-superjuri tiegħu sabiex iħalli l-iskola tiegħu timxi bl-istess mod kif imexxi d-dar tiegħu, ibbażata fuq il-kapriċċi personali tiegħu u fil-passi ta’ Santa Filomena. L-affarijiet kienu mexjin ħarir, kemm f’daru, kif ukoll l-iskola, sakemm ħabiba antika tal-familja ġiet lura mill-Ingilterra u qelbet kollox ta’ taħt fuq għal Carmelo.
Zahra nnifsu jħobbu ferm lill-karattru li ħoloq f’Carmelo Ciantar. “Nammira l-kuraġġ ta’ Carmelo li jmur kontra l-kurrent sabiex jisfida s-sistema edukattiva maqbuda f’qafas riġidu ta’ regolamenti stretti. Jista’ jkun bombastiku u grottesk, iżda fl-istess ħin għandu qalbu ta’ tfajjel. Ma tistax ma tħobbux!”

Trevor Zahra huwa meqjus bħala l-iktar kittieb prolifiku Malti. Fl-2020, Zahra ġie mogħti r-rikonoxximent prestiġjuż tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Lifetime Achievement fil-Letteratura. Il-premju jfakkar u jiċċelebra l-karriera twila ta’ Zahra ta’ kontribuzzjonijiet importanti fil-letteratura lokali, bil-pubblikazzjoni ta’ iżjed minn 130 ktieb għat-tfal, l-adoloxxenti u l-adulti. Dwar l-approċċ tiegħu lejn il-kitba - sew jekk hix kitba fuq karta jew għall-palk - Zahra qal, “Fil-kitba tiegħi qatt ma niffoka li ngħaddi messaġġ. Nikteb dwar dak li jqanqalni, dak li jogħġobni jew ma jogħġobnix, u dwar dak li jfixkilni jew jeċitani. Mill-bqija nħalli f’idejn l-udjenza biex tislet mill-play hu x’inhu li jdoqqilha l-iżjed.
Din il-prestazzjoni ta’ Is-Surmast qed tittella’ minn kast lokali b’saħħtu li jinkludi lil Charles Sammut fir-rwol prinċipali, lil Mario Spiteri (Snitz), Andre Mangion, Ryan Mark Debattista, Antonella Galea Loffreda, Marceline Galea, Anthony Ellul, Claudia Mizzi, u Emanuel Cassar, kif ukoll numru ta’ atturi żgħar fir-rwol ta’ studenti tal-iskola. Il-mużika oriġinali hija l-kompożizzjoni ta’ Albert Garzia.

Is-Surmast se tittella’ t-Teatru Manoel mill-Ġimgħa, 4 ta’ April, sal-Ħadd, 6 ta’ April. Il-play tibda fis-19:30 ta’ filgħaxija. Il-Ħadd waranofsinhar ikun hemm rappreżentazzjoni oħra li tibda fit-15:30. Il-prezzijiet tal-biljetti jvarjaw minn €10 sa €30, u jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit: https://teatrumanoel.mt/event/is-surmast/. Dawk interessati jistgħu wkoll iżuru l-Box Office tat-Teatru Manoel fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta, jew billi jċemplu fuq in-numru: (+356) 21246389. Il-Box Office huwa miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-10:00 sal-17:00 u nhar ta’ Sibt mill-10:00 sas-13:00.