Għal darb'oħra, dawk l-ommijiet li waslu biex jixtru u jilqgħu fi ħdanhom il-wild tagħhom, ħa jkollhom jagħmlu dan weħidhom mingħajr l-assistenza tal-partners tagħhom minħabba l-aħħar miżuri tal-Covid-19.
Minn informazzjoni li waslet lit-tim ta' Gwida.mt, jidher li l-missirijiet mhux qed jitħallew jidħlu fis-swali ta' qabel u wara l-ħlas mil-lum.
Dan ifisser jekk tidħol u jibdewk huma, tidħol fis-sala Obs 2 sakemm joħroġlok swab negative, imbagħad timxi għas-swali Obs 1 jew Obs 3 u tibqa' hemm sakemm l-omm twelled u tiġi biex titlaq.
Jekk jinserta li l-omm ikollha ħlas spontanju, tidħol fis-sala tal-ħlas u jagħmlulek swab test, u wara li tixtri jekk ikollok swab negattiv iċaqalquk għal Obs 1 jew Obs 3. Jekk jinserta li l-omm twelled u r-riżultat ikun għadu ma ħariġx, jieħduk f'Obs 2 mat-tarbija jew inkella jagħtuk kamra għalik, dejjem bit-tarbija miegħek.
Dawk l-ommijiet li joħroġilhom riżultat pożittiv meta jwelldu, it-tarbija titieħed sakemm joħroġ riżultat negattiv. Kif ġiet issa, il-partner jista' jidħol waqt il-ħin tal-ħlas biss u xejn aktar.
Il-mistoqsija li tqum hi, minn xħin qed jikkonsidrawh bħala ħin tal-ħlas, minn meta l-omm tibda tippuxxja jew minn meta l-omm ikollha l-ewwel kontrazzjonijiet?