Ġmiel il-pinna Maltija hija paġna li tiffoka fuq poeżiji, poemi, u kanzunetti bil-lingwa Maltija. Ilbieraħ il-paġna kitbet talba verament sabiħa fil-forma ta’ poeżija, iddedikata għall-għalliema kollha.
“Talba ta' għalliema...
Mal-għabex ta' qabel sena skolastika oħra,
nitlob għall-qawwa biex niggwida, ngħallem, nieħu ħsieb,
mhux biss permezz tal-lezzjonijiet, imma għal ħidma ħolistika u qatigħ.
Nitlob għall-paċenzja,
meta sfidi jitfaċċaw,
ngħinhom jikbru,
kapaċi jagħżlu,
biex jibqgħu jimmaturaw.
Nitlob li ngħallem mhux biss fatti, imma li jaraw l-aħjar mod kif jgħixu,
kif jitkellmu kontra l-inġustizzji,
u li b'għażliethom ikunu sodisfatti.
Jalla b'din il-ħidma nkun xi ħadd li jistgħu jafdaw,
tbissima,
kelma,
widna li tisma'.
Infittex li nittrattahom bi ħlewwa,
li nispirahom,
u fi żmien ta' dubji b'mod ġentili u sewwa
nbegħedhom 'il bogħod mid-dnewwa.
Għax għal xi wħud,
jaf inkun l-unika persuna,
li wrejthom id-dawl
minn fost ħafna uċuħ.
Dan mhux biss sempliċiment xogħol, din hija sejħa,
missjoni
biex ngħinhom jikbru,
iqumu meta jaqgħu,
li nixtieq din is-sena wkoll
nagħmel b'dedikazzjoni!”
Talba verament sabiħa! Inżommu lill-għalliema kollha u lill-istudenti fit-talb tagħna hekk kif jirritornaw għall-iskola.
Facebook / Ġmiel il-Pinna Maltija