Il-paġna tad-Dipartiment tal-Informazzjoni spiss tippubblika informazzjoni storika dwar pajjiżna biex nitgħallmu iktar dwar il-gżejjer tagħna. Illum kitbu ftit informazzjoni dwar il-Mina ta’ Notre Dame.
Huma kitbu, “Il-Mina ta’ Notre Dame hija d-daħla ewlenija tal-Cottonera lines. Fl-1670 il-Kavallieri ddeċidew li jibnu l-Cottonera lines biex isaħħu d-difiża tal-gżira. Ħames snin wara, fl-1675 tlesta l-bini tal-mina ta’ Notre Dame. Il-mina hija mibnija fl-istil Barokk u hija maqsuma f’ħames livelli li jinkludu kmamar taħt l-art, żewġ blokok ta’ kwartieri u superstruttura li tikkonsisti f’loġġa mibnija fuq żewġ livelli, veranda u bejt. Mal-faċċata nsibu bust tal-bronż tal-Gran Mastru Cotoner, flimkien ma' skrizzjoni mdaqqsa tal-irħam li tfakkar il-patroċinju tiegħu u l-bini tal-Kottonera. Il-mina ta’ Notre Dame hija mniżżla fl-Inventarju Nazzjonali tal-Propjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin u llum isservi bħala l-Kwartieri Ġenerali tal-Fondazzjoni Wirt Artna.”
Grazzi lil din il-paġna talli kontinwament tgħallimna dwar l-istorja interessanti ta’ pajjiżna!
Facebook / Dipartiment tal-Informazzjoni