Gilbert 'Jill' St John għadda għal ħajja ta' dejjem il-ġimgħa li għaddiet. Ibnu fil-grupp Nostalgia Malta kiteb, "Illum ħalliena l-kittarist tal-ġenn li kien idoqq mal-grupp popolari tas-sittinijiet u s-sebgħinijiet The Echoes."

Hu żied jgħid, "Magħruf bħala Jill minn Raħal Ġdid li baqa' sal-aħħar mumenti jdoqq u jpaxxi mhux biss il-pubbliku quddiemu imma lil Sidu Alla l-Missier. Grazzi Pa, inħobbuk immens. Sakemm nerġgħu niltaqgħu."

Jill St John kien beda ma' The Echoes ta’ 20 sena u kien idoqq il-kitarra ritmika, hu kien il-moħħ wara l-grupp li fforma huwa stess u ta anke l-isem lill-grupp. Huwa wkoll kien tgħallem għand is-Surmast Micallef, u kien ilu dilettant tal-mużika sentejn fejn ikkompona xi kanzunetti tul iż-żmien.

L-Echoes kellhom bosta arranġamenti ta’ kanzunetti antiki b’mużika moderna u anke kanzunetti strumentali tal-mument. Bħala guests huma dehru anke f’shows, filwaqt li kull fejn daqqew kisbu applawsi kbar. Fost is-swali lokali li dehru fihom insibu Las Vegas, Rockyvale Sports Gardens, Alhambra, Phoenicia, Palace, u s-Sala tal-Università.

Barra l-esperjenzi f'Malta, The Echoes, kellhom ukoll esperjenzi barra minn xtutna inkluż fi Sqallija, l-Ingilterra u Franza fost l-oħrajn. Aħna f'isem Gwida.mt, insellmu l-memorja ta' Gilbert Jill St John.


Emil Calleja Bayliss