Il-Malta Eurovision Song Contest (MESC) jibqa' meqjus bħala waħda mill-pjattaformi prinċipali għall-artisti Maltin biex jesprimu ruħhom, u joħorġu l-kanzunetti tagħhom. Għall-ewwel darba din is-sena barra li qed naraw il-kanzunetti fuq YouTube qed narawhom ukoll fuq Spotify.
Fuq YouTube, l-artista Miriana Conte għadha fil-quċċata, fejn il-kanzunetta Kant għandha aktar minn l-113,000 view. Din il-kanzunetta, li qed titqies bħala waħda mill-favoriti, kibret fil-popolarità fost is-segwaċi. Fit-tieni post fuq YouTube, nsibu Festa (No Time For Siesta) minn JVF, kollaborazzjoni ta' Jessika, Victorio u Fabrizio li għandhom aktar 85,000 view. L-enerġija, is-sinerġija u d-dinamika ta' dawn it-tliet artisti li ngħaqdu flimkien għal dan il-proġett żgur li niżlet tajjeb immens.
Il-kanzunetta LalaRatataKeke LalaRataKabum ta' Kantera fuq YouTube għandha aktar minn 64,000 view li jpoġġiha fit-tielet post. Il-kanzunetta ppreżentat ritmu tradizzjonali u divertenti, u kienet milqugħa b’mod pożittiv mill-pubbliku, li apprezzaw l-innovazzjoni tagħha. Heaven Sent minn Kristy Spiteri mhux qiegħda wisq 'il bogħod mit-tielet post b'57,000 view, u b'hekk ħassejna li għandha tissemma wkoll! Il-pubbliku żgur li qed japprezza l-ħiliet ta' din il-kantanta.
Fuq Spotify, Kant ta' Miriana Conte reġgħet tinsab fl-ewwel post b'aktar minn 75,000 stream. Dan juri li l-kanzunetta ma kisbitx biss suċċess fuq YouTube, iżda anke fuq Spotify, fejn il-pubbliku kompla japprezza l-kreattività u l-vuċi tal-artista. Kristy Spiteri, b' Heaven Sent, tinsab it-tieni fuq Spotify, b'aktar minn 31,000 stream. L-interpretazzjoni tagħha, flimkien mal-kompożizzjoni tal-kanzunetta, għamluha popolari ħafna, u qed titqies waħda mill-favoriti, speċjalment mal-pubbliku Ewropew.
Kantera, bil-kanzunetta LalaRatataKeke LalaRataKabum, sabu ruħhom fit-tielet post fuq Spotify, b’aktar minn 13,000 stream. Minkejja li għadha ma kisbitx ħafna streams fuq din il-pjattaforma, il-popolarità tal-kanzunetta hija evidenti fuq il-pjattaformi l-oħra. Tajjeb li ninnotaw ukoll li Festa (No Time For Siesta) minn JVF, li kienet waħda mill-aħħar kanzunetti li kienu aċċessibbli fuq il-pjattaformi diġitali, u dan żgur kien xi ftit ta' ostaklu fin-numru f'dan ir-rigward.
Il-MESC jkompli joffri opportunitajiet lill-artisti Maltin biex juru l-kapaċitajiet tagħhom lill-pubbliku internazzjonali, u r-riżultati ta’ YouTube u Spotify juru kemm il-kompetizzjoni hija meqjusa u segwita minn bosta. Il-kanzunetti ta’ din is-sena għamlu impressjoni kbira, u jidher li ħafna minnhom se jkomplu jiksbu suċċess fil-futur.