Ftit ġimgħat ilu Festivals Malta ħabbar li ser ikun qed jorganizza inizjattiva ġdida ġewwa l-Belt Valletta bl-isem ta’ LUV – Light Up Valletta. Fl-1 u t-2 t’Ottubru diversi artisti u kantanti ħadu sehem f'kunċerti li ffurmaw parti minn dan l-avveniment grandjuż.

Apparti minn hekk il-belt kapitali tagħna ser tkun mixgħula b'diversi installazzjonijiet artistiċi madwar it-toroq tagħha. Huma mingħajr ħlas biex tarahom u tista’ żżurhom kull ħin tal-ġurnata. Dal-aħħar fuq il-paġna uffiċjali Festivals Malta ppubblikaw diversi ritratti ta' dawn l-installazzjonijiet li tant joffru esperjenza differenti u joħolqu atmosfera li tikkumplimenta s-sbuħija tal-Belt Valletta.

Ħarir - Din l-installazzjoni hi rappreżentazzjoni tat-tmien valuri ta' Festivals Malta li huma Passjoni, Rispett, Eċċellenza, Kollaborazzjoni, Innovazzjoni, Żvilupp tal-Komunità, Diversità, Inklużività u Impenn. 

Ghosts - Int u dieħel fil-Belt Valletta tista' minnufih tinnota l-wirt artistiku li għandna fil-belt kapitali. Din it-tema turi  t-trasformazzjoni li għadda minnha t-Teatru L-Imwaqqa' permezz ta' palk li diversi artisti jagħtu xi prestazzjoni. 

Curtain Call - Diversi viżwali li juru rikordju ta' bosta produzzjonijiet u avvenimenti. Sens kbir ta' eċċellenza, innovazzjoni u kollaborazzjoni ta' tipi ta' arti differenti.

TRIUMPHAL ARC - L-entratura għall-Auberge de Castille ħadet xejra totalment differenti, mgħammra b'arti kkulurita. It-tiżjin u l-installazzjonijiet ta' din il-parti tikkumplimenta l-funtana mixgħula fiċ-ċentru tal-fortifikazzjonijiet.

Merħba - Malli tidħol fil-belt kapitali ħa ssib dawn id-dwal ta' kull lewn jilqgħuk għal dak li hemm imħejji għalik aktar 'il ġewwa. Din il-parti hi l-merħba ta' dan l-avveniment organizzat minn Festivals Malta u jagħtik togħma ta' x'sar.

Valletta in Technicolour - Splużjoni ta' kuluri li jirrappreżentaw id-diversi xejriet Mediterranji tagħna. Il-Belt li turi d-diversità u l-inklussività. Rakkont tal-karatteristiċi tagħna. Il-Belt Valletta bħala ġawhra fil-qalba tal-Mediterran.

Għadek ma żortx din l-isbuħija? X'qed tistenna? 

Darrin Zammit Lupi


Kyle Zarb