Ħafna segwaċi ta’ din il-logħba tant famuża ilhom jisperaw li xi darba jkun hemm storja li tkun sitwata ġo pajjiżna, speċjalment meta Malta għandha storja tant importanti fejn jidħlu t-templari li dejjem kienu element importanti fil-logħob.
Meta ftit tas-snin ilu kien tħabbar li ħa jinħadem il-film ibbażat fuq il-logħob, ħafna kienu ferħu li fl-aħħar Malta kienet ser tingħata l-attenzjoni xierqa. Iżda kienet ferħa bla temma hekk kif pajjiżna kien sostitut għall-postijiet Spanjoli.
Kien biss ftit tas-siegħat ilu meta l-kittieb tal-aħħar logħba fis-sensiela Assassin’s Creed: Valhalla, Alain Mercieca, stqarr li apparti l-Brażil, l-gżejjer Maltin ikunu postijiet ferm interessanti għas-segwiment li jmiss. Mercieca żied jgħid li l-kalendaru tal-istorja Maltija jkun fattur tant importanti wkoll.
S’issa is-sensiela ta’ Assassin’s Creed ħaditna l-Art Mqaddsa, l-Italja, it-Turkija, l-Amerika, Franza, l-Ingilterra, l-Eġittu w l-Greċja.
Tgħid fl-aħħar ser naraw lil Malta wkoll?