Li nibagħtu kanzunetta bil-Malti għall-Eurovision Song Contest kienet qisha xi ħaġa tabù. L-ewwel żewġ kanzunetti ta' Malta, fl-1971 u fl-1972 kienu bil-lingwa Maltija u l-fatt li dawn spiċċaw fl-aħħar post wassal sabiex il-Maltin fl-1975 imorru għall-kanzunetti bl-Ingliż. Minn dakinhar 'l hawn Malta ġiet irrappreżentata b'kanzunetti bil-lingwa Ingliża.

Il-kanzunetta Desire kellha tliet frażijiet bil-Malti fis-sena 2000, iżda minn dakinhar 'il quddiem l-ebda kanzunetta ma kellha frażijiet bil-Malti. Il-grupp Trilogy fl-2006 bil-kanzunetta This Heart of Mine, kienu viċin li jerġgħu jsemmgħu l-lingwa Maltija fil-Eurovision Song Contest iżda l-kanzunetta tagħhom spiċċat fit-tielet post.

Fl-2017, Janice Mangion ittantat xortiha bil-kanzunetta Kewkba. Kanzunetta li ġibdet l-attenzjoni tal-Ewropa u kienet meqjusa waħda mill-favoriti nett li tirrappreżenta lil Malta. Il-kanzunetta rċeview waħda mill-akbar standing ovations li qatt ra pajjiżna fil-kompetizzjoni lokali u spiċċat fit-tieni post. Janice kienet qed tipprova tirrappreżenta lil Malta b'kanzunetta kollha bil-Malti mill-1972 - 45 sena wara.

Iżda donnu ma kellux ikun imnalla. Fl-2018, l-aħħar darba li sar il-Malta Eurovision ma kien hemm ebda kanzunetta tikkompeti bil-lingwa Maltija iżda r-ritorn ta' dan il-festival prestiġjuż ġab miegħu r-ritorn tal-lingwa materna tagħna - il-lingwa Maltija. AIDAN u Derrick Schembri jidher li ħa jkunu qed jippreżentaw kanzunetta kollha kemm hi bil-Malti filwaqt li l-kanzunetta ta' Nicole Hammett tibda bil-Malti wkoll.

Il-mistoqsija ta' ħafna hi jekk hemmx xi kanzunetti oħra li jistgħu possibilment jinkludu l-lingwa Maltija. Janice Mangion li kienet għamlet tant suċċess bil-lingwa Maltija irritornat f'dan il-festival b'kanzunetta b'titlu bl-Ingliż iżda numru ta' siti barranin interpretaw din il-linja, "Xi ħaġa speċjali fiha, hemm żgur," bħala sinjal li jista' jkollha xi ħaġa bil-Malti wkoll.

Mill-20 sekonda li ħarġu ma nistgħux ngħidu wisq imma jidher li hemm tal-inqas tliet kanzunetti li jikludu l-lingwa Maltija. Min jaf hemmx oħrajn!? Il-mistoqsija hi, tgħid pajjiżna għad ikun kapaċi li jwassal kanzunetta bil-lingwa Maltija fil-Eurovision Song Contest jekk jemmen li hi tassew l-aqwa kanzunetta biex tirrappreżenta lil Malta?

Dawn huma t-22 semi-finalist li qed jikkompetu sabiex jirrappreżentaw lil Malta!

  • II - Derrick
  • A Lover’s Heart - Nicole Hammett
  • Aphrodisiac - Jessica Grech
  • Army - Janice Mangion
  • Boy - Denise
  • Come Around - Matt BLXCK
  • Electric Indigo - Baklava Ft. Nicole
  • Heaven - Sarah Bonnici
  • Hey Little - Richard Edwards
  • How Special You Are - Norbert Bondin
  • Into The Fire - Nicole Azzopardi
  • Kaleidoscope - Jessika
  • Look What You’ve Done Now - Miriana Conte
  • Out Of Sight - Emma Muscat
  • Over You - Raquel
  • Revelación - Giada
  • Rise - Francesca
  • Ritmu - AIDAN
  • Serenity - Mark Anthony Bartolo
  • Shame - Enya Magri
  • We Came For Love - Malcolm Pisani
  • White Doves - Rachell Lowell

Facebook / Eurovision Song Malta


Kyle Zarb