Gwida.mt tkellmet mal-mużiċist u produttur tal-mużika, Toby Farrugia, li kellu diversi kanzunetti li produċa li kisbu suċċess kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali. L-ikar riċenti hi Where Are You Now?, kanzunetta li saħansita ġiet iffirmata mid-dar tal-mużika Tilt Records.

Minn fejn ġiet l-ispirazzjoni għal dan it-titlu u għal din il-kanzunetta inġenerali? 

"L-istorja wara l-kanzunetta titratta dwar li ninqabdu f'sitwazzjoni fejn naħsbu li qed tagħtina l-kuntentizza. Madanakollu nirrealizzaw li l-kuntentizza vera ssibha ġo fik, u mhux fin-nies u fl-affarijiet."

Xi tgħidilna dwar l-istil mużikali li qed nisimgħu?

"L-istil huwa Pop, Electronic, Rock. Kienet naqra ta' esperiment għalija għax mhux soltu nikteb diski bħal dawn, imma qed nieħu pjaċir nesperimenta bi stili u ħsejjes ġodda, u ħadt pjaċir indoqq l-istumenti kollha li hemm fiha."

Il-kanzunetta tispiċċa taħt Tilt Records. X'tgħidilna dwar din il-marka internazzjonali? 

"Jien għandi l-publikaturi li jipromwovu l-kanzunetta tiegħi barra minn xtutna, u mbagħad ir-record labels jagħżlu jekk iridux jiffirmawha, u għalekk din ġiet iffirmata minn Tilt Records. Hija kumpanija Taljana li qed tagħmel ħafna għal din il-kanzunetta."

Nistennew aktar mużika ġdida dalwaqt?

"Diski ġodda tiegħi ma tantx ikolli ċans noħroġ, imma qed nipproduċi diski għal ħafna artisti kemm Maltin kif ukoll barranin. Bħalissa qed naħdem ma' artisti mir-Renju Unit, Mill-Istati Uniti, minn Franza, minn Spanja, mill-Isvizzera u mill-Italja. Kif ukoll erġajt sirt parti minn band li kont fiha meta kont iżgħar, u qed naħdmu fuq materjal ġdid li ħa joħroġ dalwaqt."

Tista' tisma' l-kanzunetta Where Are You Now? hawn taħt:

Facebook/ Toby Farrugia


Gwida.mt