Il-Konkors Kanzunetta Indipendenza kien appuntament fis għal dawk kollha li jħobbu l-mużika Maltija u l-kanzunetta b'ilsien pajjiżna. Saru 30 edizzjoni, 25 minnhom infila bejn l-1997 sal-2021 u kien hemm bosta kantanta stabbiliti li ħarġu rebbieħa ta' dan il-Konkors.
Għal xi żmien ir-rebbieħa ta' dan il-festival kienu jispiċċaw ikunu fost il-favoriti biex jirbħu l-Malta Eurovision. Tul is-snin rajna lil Miriam Christine, Claudette Pace, Ira Losco, Lawrence Gray, Eleanor Cassar, Claudia Faniello, Fabrizio Faniello, Amber, Mike Spiteri jirbħu dan il-konkors. L-edizzjoni tas-sena li għaddiet inrebħet mill-kantant Cherylis permezz tal-kanzunetta Nifs.
Tagħna numri ta' kanzunetti klassiċi li baqgħu jindaqqu fuq ir-radju iżda l-iżjed waħda li żgur jaf kulħadd kienet il-kanzunetta rebbieħa tal-2001 Fejn Staħbejtli? kantata minn Ira Losco, il-kanzunetta miktuba minn Paul Ellul u Mark Spiteri Lucas.
Kanzunetta li tul is-snin rajna diversi verżjonijiet tagħha iżda verżjoni li baqgħet memorabbli tibqa' dik ta' Destiny Chukunyere waqt il-finali ta' X Factor Malta fejn spiċċat bis-sala kollha tkanta magħha. Mument tassew maġiku.
Issoltu l-konkors isir għal Settembru iżda din is-sena għadu ma tħabbar xejn. Ħafna qed jispekulaw li l-edizzjoni ta' din is-sena, sakemm mhux ħa ssir tard mhux ħa tittella. Kien hemm xi okkażżjonijiet fejn il-festival kien itella' f'Diċembru minħabba l-maltemp f'Settembru iżda l-proċess tal-kanzunetti finalisti kien dejjem beda fis-sajf, jekk mhux qabel.
Tul is-snin inħoloq ukoll il-Kanzunetta Indipendenza Junior li sar b'kollox sitt darbiet. L-edizzjonijiet intrebħu minn Kayley Cuschieri, Paolo Micallef, Martina Galea Lofreda, Nathaniel Attard, Rihana & Katryna u s-sena li għaddiet intrebaħ minn Maria Curmi permezz tal-kanzunetta Marelli Ma.
Il-fatt li għadha ma ħarġet l-ebda informazzjoni fuq l-ebda konkors ma tantx jawgura tajjeb għal dan il-festival li kien ta' vetrina mill-aqwa għall-mużika bil-Malti u kantanti promettenti tul is-snin. Nittamaw li forsi l-edizzjoni ta' is-sena ssir aktar tard mis-soltu, iżda l-indikazzjonijiet ma jidhrux li huma favorevoli.
Facebook / Konkors Kanzunetta Indipendenza