Hekk kif qegħdin fil-Ġimgħa Mqaddsa għall-Kattoliċi madwar id-dinja, l-aħħar programm tal-iskeda Distintivi qajjem il-punt dwar jekk iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin għadhomx miġbuda lejn il-Knisja daqs kemm kienu fil-passat.

Il-panel divers kien magħmul minn Franziska Grech, leader tal-għaqda Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK); Maria Zammit, leader oħra tal-għaqda ŻAK; Bejnamin Martin Flores, id-delegat tal-Arċisqof għaż-żgħażagħ; u żewġ seminaristi, Gylan Camilleri u Roderick Baldacchino.

Il-preżentatur qajjem il-mistoqsija kif fi żmien it-tletiniegħat kien hemm ‘l fuq minn 70 fil-mija li kienu jattendu l-quddies il-Ħadd waqt li ċensiment li sar fl-2017 juri li inqas minn 36 fil-mija jmorru l-quddies. Il-panel issuġġerew li l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu fiż-żminijiet kurrenti, b’impenji li jvarjaw minn tipi ta’ xogħol sa attivitajiet oħra itellfu mill-attendenza tal-quddies.

Intqal ukoll li l-quddiesa tal-Ħadd, għalkemm hi mportanti, mhix kollox u hemm aktar modi kif il-kommunikazzjoni m’Alla tista’ tibqa’ ħajja. Il-leader taż-ŻAK, Fraziska Grech, espremiet l-importanza tal-kommunità u li għandha tkun attrajenti għaż-żgħażagħ biex iħossu sens ta’ appartenenza.

Fil-programm ġew diskussi wkoll punti bħall-irwol tal-mara fil-Knisja u l-ispirtwalità fil-ħajja moderna.

Facebook/Distintivi


Bernard Xuereb