Hekk kif is-selezzjoni ta’ din is-sena għar-rappreżentant ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest saret mill-programm popolari X Factor, ħsibna sabiex nagħtu ħarsa lura lejn dawk il-kanzunetti li tul is-snin ġibdu l-attenzjoni tal-poplu fil-Malta Eurovision. Uħud mill-kanzunetti tant kienu ta’ suċċess mal-Maltin li għadhom jissemmew sal-ġurnata ta’ llum.

Ħafna jsostnu li s-suċċess minn dan il-festival kien propju dan, għax għalkemm kanzunetta ma tkunx kisbet l-ewwel post, xorta tibqa’ tindaqq u l-kantanti jkollhom diversi rikjesti biex ikantaw f’attivitajiet varji tul dik is-sena. Ħafna drabi, il-kanzunette li tikseb l-aktar suċċess tkun propju dik li tispiċċa fit-tieni post però dan mhux dejjem il-każ kif ħa naraw hawn taħt.

2018 – Song For Dad – Richard & Joe Micallef – It-Tieni Post

Kantant veteran ma’ ibnu, kantant stabilit. Żgur li sentiment li niżel għasel mal-Maltin kollha. Kanzunetta mexxejja, ħelwa li misset il-qlub ta’ kull min kien qed isegwi. Kella l-ingredjenti sabiex tikseb suċċess.

2017 - Kewkba – Janice Mangion – It-Tieni Post

Li kanzunetta kollha bil-Malti tasal fil-finali lokali kienet ila ma tiġri snin twal u l-aħħar li Malta bagħtet kanzunetta bil-Malti fil-Eurovision Song Contest kien fl-1972. B’kanzunetta emozzjonanti, wirja stupenda u standing ovation mis-sala, l-impossibli kważi deher possibli.

2016 - Golden – Brooke – It-Tieni Post

Id-debutt tal-kantanta Brooke f’dan il-festival beda bil-kbir hekk kif kienet ferm viċin li tgħeleb l-istilla ta’ Malta, Ira Losco. Ħafna jiddiskrivu l-wirja tal-kantanta fost l-aqwa li qatt deheru fil-festival lokali. Taqbel ma’ dan?

2015 - Still Here – Franklin – Il-Ħames Post

Li jkollok il-kanzunetta miktuba minn wieħed mill-aktar rebbieħa riċenti li kisbu suċċess fil-Eurovision Song Contest żgur li tgħin. Franklin preżenta ballad mill-aqwa, b’interpretazzjoni konvinċenti li ċert li l-kantant Alexander Rybak kien kburi ferm biha.

2014 - Hypnotica – Jessika – It-Tmien Post

Il-kanzunetta Hpnotica kienet waħda mill-favuriti ta’ din l-edizzjoni u ħafna jsostnu li kienet l-aqwa kanzunetta tal-kantanta Jessika. Hypnotica kaxkret il-vot tal-pubbliku iżda l-ġurija ma qablux mal-pubbliku u ma emmnux li kellha potenzjal fil-Eurovision Song Contest.

2013 - Needing You – Kevin Borg – It-Tieni Post

Il-kantant Malti, li kiseb popolarità fl-iSvezja grazzi għar-rebħa tiegħu f’Idol fl-2008 ittanta xortih biex jirrapreżenta lil pajjiżu, u għalkemm rebaħ il-vot tal-pubbliku, il-ġurija preferiet lil kantant u tabib simpatiku Gianluca Bezzina.

2012 - Pure – Claudia Faniello – It-Tieni Post

Il-kanzunetta li baqgħet tisemma’ anke wara li l-kantanta irrapreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-2017. Kienet kanzunetta li bis-sempliċità tagħha żgur li serqet qlub il-Maltin, il-misteru hu kif spiċċat ir-raba’ mal-pubbliku.

2011 - Finally – Richard Edwards – It-Tieni Post

Kanzunetta li s-suċċess tagħha ġie aktar wara r-riżultat li ksibet. Richard Edwards ippreżenta l-kanzunetta tiegħu bl-aktar mod sempliċi flimkien. Ir-riżultat kien taqtiegħa sal-aħħar ġurat bejnu u Glen Vella li spiċċa rebaħ dik l-edizzjoni.

Wieħed jistqarr li tul is-snin dejjem kien hemm kanzunetti b’saħħithom u li spikkaw forsi kemmxejn aktar minn oħrajn però fl-aħħar mill-aħħar, il-gosti tan-nies ivarjaw u dan kien li joħloq diskussjoni interessanti meta jasal il-famuż festival. Int x’taħseb? Taqbel ma’ din il-lista ta’ ismijiet, jew taħseb li kien hemm kanzunetti oħra li kieku int kont isemmi? Nieħdu gost nisimgħu l-oppinjoni tiegħek.


Emil Calleja Bayliss