Kull min jaf lil Ela, jew sema' lil kantanta tkanta jaf bit-talent extraordinarju li għandha din it-tfajla ta' tlettax-il sena. Is-sena l-oħra rrapreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision u qabel dan kellha suċċessi oħra ġewwa festival b'saħħithom kbar bħal New Wave ġewwa r-Russja, Next Generation ġewwa l-Italja u Euro Pop Contest ġewwa l-Ġermanja.
Waħda mill-idoli ta' din il-kantanta żagħżugħa mhi ħadd ħlief H.E.R. Artista Amerikana ta' 22 sena li bħalissa qed tiddomina x-xena tas-soul u R&B. H.E.R. hija rebbieħa ta' diversi premijiet inkluż żewġ Grammy Awards li saru fi Frar ta' din is-sena fejn rebħet l-unur għall-aqwa album, kif ukoll l-unur tal-aqwa pretazzjoni fil-qasam tal-R&B.
Il-popolarità ta' H.E.R. hija waħda kbira u aktar ma jmur aktar qed tikber. Il-kantanta Maltija, tħobb tkanta diversi kanzunetti tagħha, inkluż Best Part li ġabet lill-artista Amerikana suċċess kbir. F'wieħed mill-filmati li Ela tellgħat fuq il-midja soċjali tagħha, kien hemm bosta nies li ttaggjaw il-paġna ta' din l-artista, u jidher li l-artista ħallietilha like.
Dawk qrib t'Ela jafu li għalkemm għal ħafna taf tkun sempliċiment like, din il-like tfisser ħafna peress li ġiet minn waħda mill-idoli tagħha. Id-duo Misunderstood li rajniehom fl-edizzjoni ta' din is-sena tal-X Factor iltaqgħu mal-kantanta fil-programm ta' taħriġ ġewwa l-Ingilterra bl-isem ta' Ultimate Artists u kellhom biss kliem ta' tifħir, tant li anke xxerjaw materjal tagħha mas-segwaċi tagħhom.
Ritratt: Instagram / Ela Music Official
Il-kantanta, li għalkemm għad għandha biss tlettax-il sena tista' tgħid li diġà hi artista. Għaddejja ġmielha tikteb materjal oriġinali tagħha u qed teċċella f'dan il-qasam ukoll. Kellha kliem ta' tifħir kbir minn ġganti tal-mużika li kellha ċ-ċans tiltaqa' magħhom u probabbli ma ndumux ma nisimgħu b'xi aħbar kbira minn din il-kantanta.
Donnu hemm qbil unanimu, kemm mill-Maltin u kemm mill-barranin li t-talent ta' din iż-żagħżugħa hu wieħed speċjali u jħabbatha mal-aqwa kantanti fl-industrija. Awguri Ela, ċertament li għandek futur sabiħ jistenniek.
Instagram / Ela Music Official