Skont l-aħħar aġġornament tal-Monkeypox meter, li d-data turi 28 ta' Mejju, jidher li f'Malta għad hemm 2 każijiet li huma kkonfermati b'mod uffiċjali. Dan wara li kien hemm suspett li qed jinstabu aktar każijiet mill-pubbliku matul l-aħħar ġimgħat.

Skont il-Monkeypox meter Malta m'għandha l-ebda każ li huwa hekk imsejjaħ suspettat sa issa. Fl-24 ta' Mejju fuq il-paġna tiegħu Gerald Fenech Covid-19 News Updates, Gerald ħabbar li dak li kien issuspettat bħala każ ta' monkeypox f'Malta, ġie kkonfermat bħala każ ta' chickenpox. 

Kien tħabbar ukoll f'dik id-data li l-virus jidher li qed jinxtered madwar id-dinja, u fl-Ewropa bosta pajjiżi nstabu każijiet ta' monkeypox. Jumejn wara, Id-DPM u Ministru tas-saħħa Chris Fearne tkellem waqt konferenza stampa dwar ix-xniehat li għaddejjin rigward il-monkeypox, li qed jinfirex f'xi pajjiżi Ewropej.

Fearne jagħmilha ċara li f'Malta ma kien hemm ebda każ tal-monkeypox, kif ukoll jispjega dwar dan il-virus. Fit-28 ta' Mejju tħabbar li nstab l-ewwel każ tal-ġidri tax-xadini fuq raġel ta’ 38 sena li joqgħod f’Malta. L-Awtoritajiet tas-Saħħa kienu kkonfermaw li dan ir-raġel m’għandux bżonn jittieħed l-isptar għall-kura imma ntalab sabiex jiżola ruħu f’daru.

"Monkeypox mhix Covid-19 oħra", jisħaq Fearne. Jitkellem dwar il-fatt li l-monkeypox hu simili ħafna ta' chickenpox. Infatti jgħid li min għandu 'l fuq minn 50 sena, u kien tlaqqam bit-tilqima tal-smallpox, għandu immunita b'saħħitha biżżejjed.

Iżid jgħid li l-gvern u l-awtoritajiet xorta waħda qed jieħduha b'serjetà u jekk jiġri li jkun hawn, jinsabu preparati biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Fearne jgħid m'hemm l-ebda lok ta' allarm rigward il-monkeypox.

Idħol HAWN


Gwida.mt