Dil-ġimgħa tkellimna dwar x’sar minnu l-Hooli u kif żvela jinsab jaħdem fuq materjal ġdid li għandna naraw dalwaqt. Hemm ċans li naraw lil Hooli jippreżenta dan il-materjal waqt il-festival l-Għanja tal-Poplu ta’ din is-sena.

Waqt it-tnedija uffiċjali ta’ dan il-festival, li saret nhar l-Erbgħa li għadda ġie mħabbar li wieħed mill-mistiedna speċjali tal-festival ħa jkun il-Hooli. Fuq is-sit uffiċjali ta’ dan il-festival, tħabbar li l-Hooli ħa jiġu mogħti r-Rikonoxximent - l-Għanja Li Tibqa’.

Probabbli l-Hooli ħa jkun proprju l-iżgħar parteċipant li jingħata dan il-premju, hekk kif dan il-premju normalment imur għal dawk li ilhom żmien twil fl-industrija tal-mużika lokali. Is-sena l-oħra, ir-rikonoxximent l-Għanja Li Tibqa’ mar għal Mro Paul Abela, kompożitur ta’ uħud mill-aqwa kanzunetti Maltin.

Il-Hooli minn naħa tiegħu għalkemm relativament żgħir fl-età, meta jiġi kkumparat ma’ dawk li ħadu dan ir-rikonoxximent fil-passat, kellu sehem importanti ferm fix-xena tal-hip hop ġewwa pajjiżna. Ressaq stil fix-xena lokali li ħadd qabel ma kien joħlom bih u numru ta’ żagħżagħ illum qed jesperimentaw u jiksbu suċċessi f’dan il-ġeneru.

Il-Hooli mhux talli hekk, talli kien esperiment ukoll bil-lingwa Maltija f’dan l-istil u s-suċċess kien xhieda li hemm spazju wkoll għal dan l-istil. Sabiħ li wara waqfa ta’ snin mix-xena lokali, il-Hooli ħa jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu fix-xena lokali bis-sħiħ. Il-festival l-Għanja Tal-Poplu ħa jsir fil-31 t'Awwissu ġeww Pjazza Teatru Rjal.

Facebook / Hooli


Emil Calleja Bayliss