Il-gvern qed jakkwista l-proprjetajiet tal-każini tal-banda f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament. Dan bil-għan li jipproteġi t-tradizzjonijiet tal-każini tal-banda u l-valur kulturali tagħhom f’Malta.
Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali ħabbar li l-gvern laħaq ftehim ta’ akkwist mas-sidien tal-bini ta’ dawn is-soċjetajiet:
- Każin Banda Stella Maris - Tas-Sliema
- Anici Banda & Social Club – Ħal Qormi
- Socjeta Fil. GM Fra Antoine De Paule Banda Kristu Re – Paola
- Circolo San Giuseppe Sagra Familja - Kalkara
- La Stella Levantina – Ħ’Attard
- Każin Banda Marija Reġina – Marsa
Fil-każ tal-Każin Banda Stella Maris, il-proċess ta’ akwiżizzjoni ġie totalment konkluż, waqt li fir-rigward tal-proprjetajiet l-oħrajn ġie ffirmat konvenju jew jinsabu fil-proċess li jiġi ffirmat konvenju mas-sidien rispettivi wara li ntlaħaq formalment qbil dwar il-kundizzjonijiet tal-bejgħ.
Sabiex tkun żgurata konsistenza u attenzjoni immedjata għal din l-inizjattiva, il-Bord tat-Tmexxija tal-Każini tal-Banda, immexxi minn James Pearsall, twaqqaf fi ħdan Arts Council Malta u qed jamministra x-xogħol relatat mal-akkwisti taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali.
Qed isiru negozjati oħrajn ma’ sidien ta’ soċjetajiet mużikali oħra li, bl-istess mod, qed jiffaċċjaw riskju ta’ żgumbrament.
DOI & GB Photography