Huwa maħsub li l-gorilla ġew infettati minn ħaddiem tal-annimali selvaġġi f’dik li hi maħsuba li hija l-ewwel tifqigħa fost primati miżmuma fil-magħluq.

Diversi gorillas fiż-żoo ta' San Diego ittestjaw pożittivi għall-coronavirus, b'xi wħud jesperjenzaw sintomi, f'dik li hija maħsuba li tkun l-ewwel tifqigħa fost primati bħal dawn fil-magħluq.

Id-direttur eżekuttiv tal-park, Lisa Peterson, qalet lill-Associated Press nhar it-Tnejn li tmien gorillas li jgħixu flimkien fil-park huma maħsuba li għandhom il-virus u bosta kellhom is-sogħla. Gavin Newsom, il-gvernatur ta’ California, ikkonferma waqt l-aħbarijiet ta’ nhar it-Tnejn li mill-inqas żewġ gorilla rriżultaw pożittivi waqt li tlieta kienu sintomatiċi.

Jidher li l-infezzjoni ġiet minn membru tat-tim tal-kura tal-annimali li wkoll ittestja pożittiv għall-virus iżda kien bla sintomi. Il-park ikkonferma l-preżenza tal0Covid-19 permezz ta’ kampjuni mill-ħmieġ tal-gorillas, u r-riżultati tat-test ma “jeskludux definittivament il-preżenza tal-virus f’membri oħra tat-truppa”, qal iż-żoo fi stqarrija.

Tajjeb ngħidu li tim ta' veterinarji qed jimmonitorjaw mill-qrib il-gorillas, li se jibqgħu fl-abitat tagħhom fil-park, fit-tramuntana ta' San Diego. "Minbarra xi konġestjoni u sogħla, il-gorillas sejrin tajjeb," qalu rappreżentanti taż-żoo. “It-truppa kollha ħa tibqa' f'kwarantina flimkien u qed tiekol u tixrob. Aħna nittamaw li jkollhom irkupru sħiħ."


Emil Calleja Bayliss